MIRA BIEX 15% TAL-POPOLAZZJONI ADULTA TIBQA’ TISTUDJA
Sal-2020 15% tal-popolazzjoni adulta f’Malta trid tkun qed tistudja u s’issa diġà lħaqna nofs din il-mira. Dan qalitu l-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina meta dalgħodu żaret iċ-Ċentru għall-Edukazzjoni tal-Adulti u ltaqgħet ma’ persuni li qed jattendu korsijiet f’dan iċ-ċentru mmexxi mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja fi ħdan il-Ministeru.
Il-Ministru Cristina qalet li l-edukazzjoni għall-adulti hi meqjusa bħala proċess essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali partikolarment f’kuntest ta’ globalizzazzjoni.
L-edukazzjoni tal-Adulti għandha importanza ewlenija fl-Aġenda ta’ Lisbona u fl-istrateġija Ewropea għall-2020. Dan hu qasam importanti għat-titjib tal-kapital uman wara l-edukazzjoni obbligatorja u għalhekk irid jingħata każ tiegħu fit-tfassil ta’ politika dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi.
F’Malta rridu naħdmu biex sal-2020 jkollna almenu 15% tal-popolazzjoni bejn il-25 u l-64 sena li tkun għadha tistudja. Hu kalkulat li l-poplazzjoni adulta f’Malta fis-sena 2020 tkun ta’ madwar 213,000 u allura jrid ikollna madwar 32,000 adult li qed jipparteċipaw f’xi forma ta’ attività ta’ tagħlim sew formali, informali jew mhux formali.
Anqas minn sentejn ilu l-Gvern waqqaf id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li waħda mill-ħidmiet tiegħu hi li jipprovdi edukazzjoni għall-adulti. Id-Direttorat waħdu, bil-korsijiet li joffri, diġà jipprovdi għat-tagħlim ta’ ftit aktar minn 3% tal-popolazzjoni filwaqt li entijiet oħra jipprovdu għal 4% tal-popolazzjoni. Dan ifisser li għadna nofs triq għal dak li jinħtiġilna naslu għalih sal-2020.
F’din is-sena skolastika hemm 9,932 adult reġistrat f’xi wieħed mill-korsijiet li minnhom 34% huma rġiel u 66% nisa.
51% qed jieħdu korsijiet ta’ natura akkademika jew fit-teknoloġija tal-informazzjoni; 37% korsijiet fl-arti viżiva u performattiva u 12% korsijiet fl-artiġġjanat. 65% tal-istudenti huma fl-età bejn il-25 u s-64 sena filwaqt li 35% biss huma taħt l-24 sena. L-aktar persuna anzjana li tattendi dawn il-korsijiet għandha 86 sena.
Fiċ-Ċentru tat-Tagħlim tal-Adulti ta’ matul il-jum hemm reġistrati 654 persuna li hu aktar mid-doppju ta’ dawk li kienu jattendu fl-2004. Iċ-Ċentru jipprovdi 18-il kors differenti li 7 minnhom huma fit-tagħlim ta’ lingwi differenti. L-aktar kors popolari f’dan iċ-ċentru hu dak tal-Filosofija.
Il-korsijiet li jipprovdi d-Direttorat huma sussidjati bil-qawwi mill-Gvern. Il-medja tal-ħlas hi ta’ €35 għal kors ta’ 32 ġimgħa filgħaxijiet – ftit aktar minn €1 fil-ġimgħa. Il-ħlas għall-korsijiet ta’ matul il-jum hu biss ta’ €11.65 għal kors ta’ 32 ġimgħa filwaqt li dawk li għandhom il-Kartanzjan ma jħallsu xejn għall-ewwel kors li jagħmlu.
Tajjeb jingħad ukoll li d-Direttorat qed jaħdem mal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki biex il-korsijiet li jipprovdi jingħataw livell u ċertifikazzjoni li jkunu rikonoxxuti fuq il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u fil-fatt is-sena li għaddiet numru sabiħ ta’ adulti li temmew il-korsijiet tagħhom ħadu dan iċ-ċertifikat.
Fi tmiem iż-żjara tagħha l-Ministru Cristina inawgurat Librerija fl-istess Ċentru u għamlet donazzjoni ta’ numru ta’ kotba għal din il-librerija. Mario Azzopardi, Direttur għat-Tagħlim Tul il-Ħajja rringrazzja lill-Ministru għal din iż-żjara u għall-kotba li tat għal-librerija taċ-ċentru.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003