NILTAQGĦU MA’ KIKKU F’MALTA
Il-mascot Kikku, li huwa l-vuċi tat-tfal fi ħdan il-viżjoni eko-Għawdex, qasam il-fliegu u ltaqa’ mat-tfal f’Malta. Kif ġara meta dan il-karattru kien introdott f’Għawdex eżattament xahar ilu, Kikku rnexxielu jiġbed is-simpatija tat-tfal f’Malta waqt attività li ġiet organizzata mill-Ministeru għal Għawdex b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, Ambjent u Kultura.
L-attività bdiet minn Pjazza Kastilja fejn Kikku ltaqa’ ma’ madwar 50 tifel u tifla li jattendu l-klassijiet tal-kindergarten fl-Iskola Primarja tal-Belt Valletta fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca. Huma akkumpanjaw lil Kikku f’mixja tul parti minn triq ir-Repubblika, għal triq Melita u ‘l fuq minn Triq il-Merkanti li wasslithom sal-uffiċċju tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fil-Berġa tal-Italja. It-tfal xejru bnadar ikkuluriti stampati b’messaġġi relatati mal-viżjoni eko-Għawdex u b’hekk taw dehra mhux tas-soltu fiċ-ċentru tal-Belt Valletta permezz ta’ din l-attività.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex flimkien mal-Onor. Mario DeMarco, Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, Ambjent u Kultura fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, laqgħu lil miġemgħa ta’ tfal u għalliema flimkien ma’ Kikku fl-entratura tal-Berġa tal-Italja. Din l-entratura ġiet mibdula f’ambjent rurali mżewwaq b’xeni msejsa fuq tpinġijiet u kitbiet li saru mit-tfal tal-iskejjel primarji Għawdxin matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika dwar eko-Għawdex. Dawn ġew riprodotti b’mod kreattiv u kkulurit ikkumplimentat minn xenarju naturali tipiku li joffri dehra mhux tas-soltu ġo din is-sala storika, li fost oħrajn tilqa’ bosta turisti u persuni impenjati fil-qasam turistiku b’mod regolari.
Din il-wirja ġiet imtellgħa f’Malta wara li f’dan l-aħħar xahar serviet bħala attrazzjoni għal bosta tfal u studenti flimkien ma’ viżitaturi oħrajn ġewwa s-sala tal-wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex. Kienet ukoll strumentali fit-tixrid ta’ aktar għarfien dwar il-kunċett ta’ eko-Għawdex u kif dan ġie milqugħ mit-tfal u studenti Għawdxin. It-twaqqif ta’ din l-esebizzjoni f’Malta għandu l-għan li bl-istess mod ixerred aktar għarfien dwar eko-Għawdex ankè fost tfal, studenti u nies aktar adulti f’Malta. Dan biex iwassal ukoll il-messaġġ li l-viżjoni eko-Għawdex mhijiex biss marbuta mal-gżira ż-żgħira iżda għandha wkoll importanza fuq bażi nazzjonali speċjalment fir-rigward tal-qasam turistiku.
L-Onor. Giovanna Debono wriet is-sodisfazzjon tagħha għall-mod ta’ kif ġiet organizzata l-laqgħa ta’ Kikku mat-tfal Maltin u esprimiet l-apprezzament għall-kollaborazzjoni mis-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, Ambjent u Kultura kif ukoll mill-Iskola Primarja tal-Belt fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca. Il-Ministru spjegat kif Kikku ser ikun il-vuċi tat-tfal għal eko-Għawdex u se jservi bħala l-punt ta’ riferiment għat-tfal Maltin u Għawdxin kollha biex iwassal l-vuċi tagħhom f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-viżjoni eko-Għawdex. Spjegat ukoll il-messaġġi li qed ikunu promossi fuq il-bnadar li ngħataw lit-tfal u kif dawn ser iwasslu biex kulħadd jifhem aktar l-importanza tagħhom. Dawn il-messaġġi jirreferu kif oqsma indirizzati fil-ħidma tal-pjan ta’ azzjoni marbut ma’ eko-Għawdex iwasslu għal żvilupp sostenibbli li filwaqt li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja fuq il-gżira għall-ġenerazzjonijiet tal-preżent ma jikkompromettix is-sbuħija naturali, storika u kulturali tal-gżira biex dawn ikomplu jistgħu jibqgħu jitgawdew fil-futur. Il-Ministru Debono rreferiet ukoll għall-messaġġi tat-tfal Għawdxin, li wħud minnhom ġew riprodotti jew inkitbu mit-tfal stess fuq il-boards li hemm fil-wirja, u spjegat kif ix-xewqat li esprimew juru biċ-ċar li dawn iridu dak li hemm propost fil-viżjoni eko-Għawdex.
Fid-diskors tiegħu l-Onor. Mario DeMarco spjega kif il-kunċett eko-Għawdex huwa wkoll marbut mat-tisħiħ tal-prodott turistiku Għawdxi li huwa kumplimentari għall-prodott turistiku ta’ pajjiżna. Filwaqt li fisser kif il-qasam turistiku Għawdxi jattira turisti kemm mis-settur domestiku kif ukoll minn dak barrani, l-Onor DeMarco qal li dan jikkonferma r-raġuni għaliex ġiet organizzata kemm l-attività mat-tfal kif ukoll il-wirja li ġiet inawgurata fil-Berġa tal-Italja. Mario de Marco, qal li Għawdex għandu rwol importanti fil-qasam ambjentali. Il-viżjoni tal-Gvern għal eko-Għawdex tagħti direzzjoni lill-iżvilupp ambjentali ta’ pajjiżna. Hu tkellem dwar il-importanza tal-edukazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Viżjoni tal-Gvern biex Għawdex isir gżira ekoloġika. Tenna li l-għalliema u l-ġenituri għandhom rwol ċentrali fl-edukazzjoni tat-tfal biex minn età żgħira jkunu konxji tal-ambjent u l-ħarsien tiegħu.
Fi tmiem l-attività l-Onor. Mario DeMarco u mistednin oħra żiedu l-messaġġi tagħhom flimkien ma’ dawk li kienu nkitbu f’Għawdex. Din il-wirja ser tkun miftuħa għall-pubbliku fl-entratura tal-Berġa tal-Italja bejn l-1 u l-31 ta’ Marzu 2011 bejn id-9.00 ta’ filgħodu u s-12.45 ta’ wara nofsinhar.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003