IPPUBBLIKAT AVVIŻ LEGALI SABIEX JISAĦĦAĦ IS-SUQ TAL-BDIEWA, GĦALL-ĠID TAL-KONSUMATUR
Il-Gvern illum ippubblika fil-Gazetta tal-Gvern numru 18,710 regolamenti maħsuba biex ikomplu jorqmu l-attività tant popolari tas-Suq tal-Bdiewa li jarma f'Ta' Qali kull nhar ta' Tlieta u nhar ta' Sibt.
Dawn ir-regolamenti ppubblikati llum jistabillixxu l-kriterji għal min hu eleġibbli li jkollu l-permess sabiex jarma fis-Suq tal-Bdiewa, kif ukoll il-proċedura ta' kif għandu japplika u jintgħażel bil-preferenza tingħata lil dawk il-bdiewa li jaħdmu fis-settur agrikolu lokali fuq bażi full-time. Il-Ministeru jfakkar li dan qed iseħħ għaliex għaddejjin il-preparamenti sabiex ikunu organizzati swieq tal-bdiewa oħra f'lokalitajiet f'Malta u Għawdex.
Intant fost ir-regolamenti maħruġa llum jelenkaw ukoll li ma tista' ssir l-ebda attività kummerċjali minn bejjiegħa fit-toroq li joffru għall-bejgħ prodott agrikolu f'ħames mitt metru, jew inqas, bogħod mill-Pitkalija jew minn Suq tal-Bdiewa. Ir-regolamenti jelenkaw ukoll li l-prodott li jinbigħ mill-Pitkalija ma jistax jiġi mibjugħ fis-Suq tal-Bdiewa għax dan is-suq hu xprunat mill-fatt li l-bidwi jbigħ il-prodott tiegħu direttament lill-konsumatur.
Il-Ministeru jfakkar li kif sostnut ukoll permezz ta' dawn ir-regolamenti, fis-Suq tal-Bdiewa jinbigħ biss prodott agrikolu frisk u ġenwin lokali frott il-ħidma tal-bdiewa Maltin. Is-Suq tal-Bdiewa jarma f'Ta' Qali kull nhar ta' Tlieta bejn 12.00 u s-19.00, u s-Sibtijiet bejn id-9.00 u l-17.00.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003