IMNIEDI UFFIĊJALMENT IL-PROGRAMM YOUTH INC.
"Din hi ħolqa oħra mill-istrateġija tal-Gvern biex itejjeb il-ħiliet tat-tfal u żgħażagħ tagħna biex ħadd ma jibqa' lura." Hekk iddiskriva dan il-programm l-Onor. Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, meta dalgħodu nieda uffiċjalment il-programm Youth Inc. Dan il-programm tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi b'kollaborazzjoni mal-ETC u l-MQC jinkorpora fih taħriġ akkademiku u vokazzjonali mifrux fuq perjodu ta' sentejn. Dan il-programm iwassal għal kwalifika rikonoxxuta taħt il-Qafas Nazzjonali għal Kwalifiki fl-Ewwel u t-Tieni Livell.
L-Onor. Clyde Puli, fl-intervent tiegħu sostna dwar il-bżonn li kull ċittadin ikollu ħiliet bażiċi u ħiliet tal-ħajja għaliex minbarra li dawn il-ħiliet itejbu l-ħajja tal-individwu itejbu wkoll il-livell tal-għixien fil-pajjiż. Hu saħaq li l-istrateġija tal-Gvern mhix biss li jippoteġi l-impjiegi iżda li jipproteġi l-impjegabbilità.
Is-Segretarju Parlamentari tkellem ukoll dwar il-bżonn ta' ħiliet ġodda għal xogħolijiet ġodda u żied li l-Gvern flimkien mal-imsieħba tiegħu qed jaraw x'ser ikunu l-impjieġi ta' għada ħalli b'hekk ikollhom stampa ċara ta' x'ħiliet se jkun hawn bżonn.
Il-programm huwa miftuħ għal żgħażagħ bejn is-16 u l-21 sena li ma rnexxilhomx ikomplu fl-istudji tagħhom, primarjament minħabba li ma baqawx jattendu l-iskola jew ma kellhomx biżżejjed kwalifiki tas-SEC.
Il-programm huwa mfassal biex jimmotiva lil dawn iż-żgħażagħ biex b'mod attiv jinvolvu ruħhom fit-tagħlim. Il-programm jipprovdi assistenza lill-parteċipanti li huma neqsin mill-ħiliet u għarfien bażiku u minn dawk il-kompetenzi soċjali li normalment ikunu ta' għajnuna biex dawn iż-żgħażagħ jintegraw fil-komunità u fid-dinja tax-xogħol. Dan il-programm jaspira li jservi ta' opportunità biex iż-żgħażagħ jiksbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi permezz ta' tagħlim formali u mhux formali.
Kull grupp ta' parteċipanti jiġi assenjat Youth Support Worker li jipprovdi assistenza, mentoring u jistabilixxi relazzjoni ta' fiduċja. L-ambjent ta' tagħlim huwa mfassal biex jippromwovi l-involviment attiv tal-istudent imma jżomm 'l bogħod minn dik li hija l-klassi tradizzjonali.
Il-Programm tal-Ewwel Livell tal-Qafas Nazzjonali għal Kwalifiki jikkonsisti f'minimu ta' 1,000 siegħa mifruxa fuq 30 ġimgħa, fil-waqt li l-programm tat-Tieni Livell tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki jinkorpora 1,500 siegħa mifruxa fuq 44 ġimgħa. Dawn iż-żewġ programmi huma maqsumin f'erba fażijiet biex jassiguraw li l-parteċipanti jlaħħqu max-xogħol involut u aktar importanti illi ma jkunx hemm min jieqaf mill-programm qabel il-waqt.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003