STABBILITÀ FINANZJARJA U ĦOLQIEN TAL-IMPJIEGI FL-AĠENDA TAL-ECOFIN
Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, Tonio Fenech, ħalla Malta għal Brussell, fejn se jipparteċipa għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi tal-Unjoni Ewropea (ECOFIN) kif ukoll tal-Eurogroup. Il-Ministru Tonio Fenech hu akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, Alfred Camilleri u mir-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea, Richard Cachia Caruana.
Waqt il-laqgħat, il-Ministri se jkomplu jiddisktu s-sitwazzjoni ekonomika u l-istabbiltà fiż-żona tal-ewro. Il-Kummissarju Rehn mistenni jippreżenta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-qagħda attwali, b'mod partikolari fl-aspetti marbuta mal-inflazzjoni, li f'Jannar uriet żidiet sostanzjali fuq livell ta' medja Ewropea.
Fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-Ministri responsabbli mill-ekonomija se jiddiskutu l-Annual Growth Survey li jindika 10 prioritajiet immedjati, b'enfasi partikolari fuq il-ħtieġa ta' konsolidazzjoni finanzjarja kif ukoll riformi li jagħtu kontribut għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Dawn il-proposti għandhom ikunu riflessi fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali. Fil-każ ta' pajjiżna, dan il-Programm jinsab fil-fażi ta' konsultazzjoni pubblika.
Fid-dawl tal-qagħda finanzjarja tal-Istati Membri, il-Eurogroup se jiddiskuti l-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv fil-każ ta' Ċipru u l-Finlandja. Fil-każ ta' Malta, il-Kummissjoni Ewropea kienet ħabbret f'Jannar li kienet se tissospendi l-proċedura, wara li l-Gvern ħa d-deċiżjonijiet meħtieġa biex itejjeb il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż u jniżżel id-defiċit taħt it-3%. Fl-Unjoni Ewropea huma biss l-Estonja, il-Lussemburgu u l-Isvezja li mhumiex is-suġġett ta' proċedura minħabba defiċit eċċessiv.
Punti oħra fuq l-aġenda huma s-Savings taxation Directive, id-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva, ftehimiet kontra l-evażjoni fil-qasam tat-taxxa ma' pajjiżi terzi kif ukoll il-baġit għall-2012 b'konsiderazzjoni li l-Kummissjoni Ewropea mistennija tressaq abbozz tal-baġit f'April 2011.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003