STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT
Il-Gvern waqqaf il-kumpanija ARMS bħala l-entità responsabbli bis-sħiħ mill-amministrazzjoni tas-sistema tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma ta' pajjiżna. L-għanijiet li għalihom twaqqfet il-kumpanija jinkludu wkoll biex hi tkun responsabbli mill-ġbir kontijiet pendenti minn individwi u kumpaniji. Il-Korporazzjoni Enemalta hija responsabbli għall-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, filwqt li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hija responsabbli għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ilma u għat-trattament tad-drenaġġ.
Saru diversi laqgħat ma' uffiċjali tal-General Workers' Union bil-għan li jintlaħaq ftehim fuq il-proċess ta' transizzjoni tal-impjegati mal-ARMS. Dan minkejja li l-Gvern għandu d-dritt u l-obbligu li jqassam ir-riżorsi umani tiegħu skont il-ħtieġa. Minkejja dan, il-Gvern għażel li jiddiskuti mal-Union dan il-proċess. Il-Gvern impenja lilu nnifsu wkoll li wara li l-proċess ta' deployment tal-ħaddiema mill-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma lejn l-ARMS, liema ħaddiema diġà qed jagħmlu xogħol tal-ARMS, b'mod immedjat jibda jinnegozja l-ewwel ftehim kollettiv biex jistabillixxi l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema tal-ARMS
Il-Union kienet infurmata wkoll li wara dan il-proċess, jekk ikun hemm il-ħtieġa ta' aktar ħaddiema mal-ARMS, jinħarġu applikazzjonijiet għall-ħaddiema taż-żewġ Korporazzjonijiet, bil-ħaddiema tal-Credit Control Section tal-Enemalta jingħataw l-ewwel dritt li japplikaw.
B'detriment kemm għal dawn il-ħaddiema kif ukoll għas-servizz offrut lill-pubbliku, il-GWU għażlet li tkun mill-aktar intransiġenti u nsistiet illi l-kumpanija ARMS jew għandu jkollha s-sezzjonijiet li jidhrilha hi, jew inkella ma jsir l-ebda deployment ta' ħaddiema, u b'hekk jitfixkel il-proċess kollu. Dan minkejja li l-Union taf x'ħaddiema huma meħtieġa u li r-responsabbilta tat-tmexxija tal-ARMS hija f'idejn il-Management.
Għandu jingħad ukoll li l-operat tal-kumpanija ARMS jinkludi wkoll li din tassigura l-ġbir ta' dak kollu li hu dovut lilha permezz ta' Debtors' Section fi ħdan il-kumpanija. Konsegwentement, il-Credit Control Section fil-Korporazzjoni Enemalta, li taħdem b'sistema ta' shifts li jinkludu wkoll is-Sibtijiet u l-Ħdud, għall-compliance officers, se tispiċċa. Dan għaliex minbarra li l-ġbir tal-ammonti dovuti se jsir mill-kumpanija ARMS, mhix il-prassi li l-uffiċċji amministrattivi ta' kumpaniji privati jkunu miftuħin is-Sibtijiet u l-Ħdud. Dan barra li din it-taqsima għadha tħaddem is-sistema ta' ġbir tad-dovuti bieb bieb, li llum m'għadux żmienha.
Għalhekk, il-Gvern jikkonferma li min-nhar it-Tnejn 14 ta' Frar 2011, kull xogħol ta' ġbir ta' ammonti dovuti se jkun qiegħed isir minn ARMS Limited. Dan ma jfissirx li l-ħaddiema tal-credit control section fi ħdan il-Korporazzjoni Enemalta se jitilfu xogħlhom, iżda se jiġu utilizzati f'taqsimiet oħra fi ħdan l-istess Korporazzjoni.
Intbagħtet ukoll ittra lill-impjegati konċernati u lill-GWU biex jiġu notifikati dwar dan. Kopja tal-ittra li ntbagħtet lill-GWU qed tiġi mehmuża ma' din l-istqarrija.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003
pr0246.pdf