RIKONOXXIMENT GĦALL-ĦIDMA TAL-KUNSILL LOKALI TAL-GĦARB FAVUR L-INTRAPRIŻA
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said, ippreżenta formalment il-Premju għall-Appoġġ lill-Intrapriża lis-Sindku tal-Għarb, David Apap. Dan il-premju ntrebaħ mill-Kunsill Lokali tal-Għarb u minn ħames Kunsilli Lokali oħra Maltin f’Diċembru li għadda.
Il-Premju għall-Appoġġ lill-Intrapriża hu rikonoxximent għall-impenn li dawn il-Kunsilli Lokali qed juru favur żvilupp strateġiku li jwassal għall-ħolqien ta’ lokalitajiet sostenibbi f’dak li jirrigwarda l-ekonomija, l-istil u l-kwalità ta’ ħajja, il-kultura u l-ambjent.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Kunsilli Lokali għandhom l-obbligu li jgħinu lis-settur kummerċjali fil-lokalitajiet rispettivi għax b’hekk ikunu qed jgħinu lill-komunità li jirrappreżentaw. Meta n-negozji jmorru tajjeb, joħolqu l-impjieg, u l-konsumatur jinqeda mill-ħtiġijiet li jkollu. Fit-tiġdid tal-Kunsilli Lokali, dawn ingħataw ir-responsabbiltà li jaħdmu biex isaħħu s-sens imprenditorjali fil-komunità, li jaħdmu id f’id mal-komunità kummerċjali, li jiffaċiltaw il-ħidma tan-negozji u li jaħdmu biex itejbu ċ-ċentri tal-lokalitajiet fejn aktarx ikunu miġbura n-negozji ewlenin.
Chris Said sostna li ħadd daqs il-Kunsilli Lokali ma jaf ir-realtajiet tal-lokalitajiet u l-komunitajiet li jirrappreżentaw. Għaldaqstant il-Gvern qed jgħaddilhom l-għodda biex ikunu jistgħu iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom.
Dawn jinkludu skemi ta’ finanzjament biex isiru proġetti infrastrutturali importanti bħal toroq u tisbiħ taċ-ċentri storiċi u kummerċjali, kif ukoll għajnuna biex jiġu organizzati attivitajiet li minnhom innifishom jgħinu u jżidu n-negozju.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003