Left arrow Go Back

STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU DR LAWRENCE GONZI DWAR IL-KUNSILL EWROPEW TAL-4 TA’ FRAR 2010

pr0229
Date Icon 07/02/2011

Mr Speaker,

Illejla nixtieq nirraporta lill-Kamra dwar is-sehem tiegħi fil-Kunsill Ewropew li nżamm nhar il-Ġimgħa li għaddiet u nibda billi nqiegħed kopja tal-Konklużjonijiet ta' dan il-Kunsill Ewropew fuq il-Mejda tal-Kamra.

L-aġenda ta' dan il-Kunsill kienet iffukata primarjament fuq żewġ elementi: l-enerġija u l-innovazzjoni. Dawn l-oqsma huma pilastri fundamentali fil-ħidma lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli u li joħloq l-impjiegi, li huwa l-għan aħħari tal-Istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tkabbir li ġiet adottata f'Ġunju li għadda.

ENERĠIJA

Fil-qasam tal-enerġija, il-prijorità għall-Ewropa hija enerġija mingħajr periklu, sigura, sostenibbli u bi prezz aċċessibbli li tikkontribwixxi għall-kompetittività Ewropea. Id-diskussjoni tagħna nhar il-Ġimgħa kienet ispirata minn din il-prijorità u kienet ibbażata fuq żewġ dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea ta' Novembru li għadda, jiġifieri Energy 2020, A strategy for competitive, sustainable and secure energyuEnergy infrastructure priorities for 2020 and beyond – A Blueprint for an integrated European energy network.  Inqiegħed kopja ta' dawn id-dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qbilna li l-Unjoni Ewropea teħtieġ suq intern tal-enerġija li huwa kompletament funzjonanti, interkonness u integrat sal-2014 fejn il-gass u l-elettriku jkunu jistgħu jiċċirkolaw liberament.

Għalkemm il-pass immedjat huwa l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar is-suq intern tal-enerġija, huwa meħtieġ immodernizzar u espansjoni tal-infrastruttura tal-enerġija tal-Ewropa u ħidma għall-interkonnessjoni tan-networks.  F'dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew qabel li, u nikkwota

"L-ebda Stat Membru tal-UE ma għandu jibqa' iżolat min-networks Ewropej tal-gass u l-elettriku wara l-2015 jew ikollu s-sigurtà tal-enerġija tiegħu pperikolata minn nuqqas ta' konnessjonijiet adatti."

Dan l-impenn ġie inkluż fil-Konklużjonijiet wara ħidma mill-Gvern Malti u huwa pass kbir fil-politika tal-enerġija għall-pajjiżna.

Snin ilu pajjiżna kien analizza il-possibiltà ta' gas pipeline, u fiċ-ċirkostanzi ta' dak iż-żmien inkluż il-prezz taż-żejt ta' dak iż-żmien, il-konklużjoni kienet li l-idea ma kienetx vijabbli.  Iċ-ċirkostanzi inbidlu, inkluż li issa pajjiżna huwa membru fl-Unjoni Ewropea.  Għalhekk, din il-possibiltà li tista' twassal għall-enerġija aktar nadifa u bi prezzijiet aħjar, waqt li tgħinna niddiversifikaw l-għejjun ta' enerġija għall-pajjiżna, ser terġa' tiġi analizzata.  Nixtieq nirrimarka li filwaqt kien sostnut li l-parti l-kbira tal-investiment infrastrutturali fil-qasam tal-enerġija ser jiġi mis-suq, il-Kunsill kkonkluda li:

"Madankollu, xi proġetti li jkunu ġustifikati minn perspettiva ta' sigurtà ta' provvista jew solidarjetà, iżda ma jirnexxilhomx jattiraw biżżejjed finanzjament mis-suq, jistgħu jkunu jeħtieġu xi finanzjament pubbliku limitat biex jinkoraġġixxu finanzjament privat. Tali proġetti għandhom jintagħżlu abbażi ta' kriterji ċari u trasparenti. Il-Kummissjoni hija mistiedna tirrapporta lill-Kunsill sa Ġunju 2011 rigward iċ-ċifri dwar l-investimenti li x'aktarx ikunu meħtieġa, fuq suġġerimenti dwar kif jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' finanzjament u dwar kif jiġu indirizzati l-ostakoli possibbli għall-investiment infrastrutturali."

Id-dikors dwar l-enerġija sar ukoll fid-dawl tal-impenji tal-Unjoni Ewropea għar-rigward il-bidla fil-klima.  Għalhekk qbilna dwar il-promozzjoni ta' enerġiji rinnovabbli u teknoloġiji siguri u sostenibbli b'emissjoni baxxa ta' karbonju u l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet teknoloġiċi stabbiliti fil-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija.

INNOVAZZJONI

Fil-ħdima tagħna għal aktar xogħol u xogħol aħjar, l-edukazzjoni, ir-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni fejn ideat innovattivi jiġu żviluppati fi prodotti u servizzi ġodda u kummerċjabbli jibqgħu mutur ewlieni. Il-kapital intellettwali tal-Ewropa huwa ta' benefiċċju kbir għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi. Sal-2014 għandha titlesta ż-Żona Ewropea tar-Riċerka li tfisser suq uniku ġenwin għall-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni u li tattira dejjem iżjed kemm it-talent kif ukoll l-investiment.

L-innovazzjoni tista' tgħinna biex nindirizzaw l-isfidi l-aktar kritiċi tas-soċjetà tagħna u għalhekk  għandhom jitrawmu sinerġiji bejn l-UE u l-Istati Membri sabiex li l-innovazzjonijiet li huma ta' benefiċċju għas-soċjetà jilħqu lis-suq aktar malajr.

Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni Ewropea ġiet inkarigata sabiex, fost l-oħrajn:

  • tħejji proposti sabiex jiġu aċċellerati, simplifikati u modernizzati l-proċeduri ta' standardizzazzjoni;
  • tipprovdi fejn l-akkwist pubbliku jkun dirett aħjar biex joħloq domanda akbar għal prodotti u servizzi innovattivi; u
  • tesplora l-alternattivi għall-istrument ta' valorizzazzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fil-livell Ewropew, b'mod partikolari biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għas-suq tal-għarfien.

SITWAZZJONI EKONOMIKA

Ma setax jonqos li l-Kunsill Ewropew jiddiskuti l-qagħda ekonomika.  Kien hemm qbil lli għalkemm għad fadal sfidi sinifikanti, il-prospettiva ekonomika ġenerali qed titjieb.

Matul dan il-Kunsill Ewropew irrafermajna ir-rieda li fil-Kunsill ta' Marzu li ġej  nadottaw id-deċiżjoni finali dwar il-bidla limitata fit-trattat biex jiġi stabbilit Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u li jkollna qbil ġenerali dwar il-proposti leġislattivi dwar il-governanza ekonomika sabiex sa tmiem Ġunju jintlaħaq qbil ġenerali mal-Parlament Ewropew. Dan jippermetti t-tisħiħ tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-implimentazzjoni ta' qafas makroekonomiku ġdid.

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u abbażi tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ippreżentat mill-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew ta' Marzu ser jidentifika l-prijoritajiet għar-riformi strutturali u l-konsolidazzjoni fiskali għaċ-ċiklu li jmiss ta' programmi ta' stabbiltà u konverġenza skond il-linji gwida integrati Ewropa 2020.  F'dan il-kuntest  infakkar li ftit jiem ilu, il-Gvern ippublika l-abbozz tal-Programm Nazzjonalità Riforma għall-konsultazzjoni pubblika;  nittama li dan l-eżerċizzju ta' konsultazzjoni iwassal sabiex il-programm ta' pajjiżna, li  aħna mistiedna li nippreżentaw f'April li ġej, ikun  pass u strument biex pajjiżna ikompli jissaħħah u jikber.

Matul dan il-Kunsill, is-17-il Kap ta' Stat jew ta' Gvern taż-żona tal-Euro u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għamilna dikjarzzjoni li ġie mehmuża mal-Konklużjonijiet.  F'din id-Dikjarazzjoni irriafermajna r-rieda li nagħmlu kulma hu meħtieġ biex tiġi żgurata l-istabbiltà taż-żona tal-Euro. Il-pakkett globali li għandu jiġi konkluż jinkludi l-implimentazzjoni tal-programmi eżistenti mal-Greċja u l-Irlanda, il-valutazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea mal-Bank Ċentrali Ewropew tal-progress fil-miżuri għat-tisħiħ tal-pożizzjonijiet fiskali u l-prospetti tat-tkabbir, proposti dwar it-tisħiħ tal-Fond Ewropew għall-Isabilità Finanzjarja (EFSF) sabiex tiġi żgurata l-effettività meħtieġa biex jiġi pprovdut appoġġ adegwat u l-konklużjoni tal-elementi operattivi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà f'konformità mal-mandat maqbul f'Diċembru.

Fil-qafas ġdid ta' governanza ekonomika, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern ser nieħdu aktar passi għall-kisba ta' kwalità ġdida fil-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fiż-żona tal-Euro biex tittejjeb il-kompetittività. Il-pajjiżi li mhumiex membri tal-Euro ser jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-koordinament.

Fil-fatt, il-President tal-Kunsill Ewropew, f'ko-operazzjoni mal-President tal-Kummissjoni, ser ikollu konsultazzjoni mal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri taż-żona tal-Euro biex iħejji rapport li jidentifika passi konkreti 'l quddiem f'konformità mat-Trattat.  Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri interessati, iżda li mhumiex parti miż-żona tal-Euro, jkunu involuti fil-proċess, kif meħtieġ.

IL-QAGĦDAFL-EĠITTU U R-REĠJUN

Il-Kunsill Ewropew iddiksuta s-sitwazzjoni fl-Eġittu u fir-reġjun.  Fil-waqt li kkundannajna l-vjolenza,  enfasizzajna d-dritt taċ-ċittadini kollha li jieħdu sehem f'dimostrazzjonijiet fil-libertà u b'mod paċifiku u li dawn ikunu protetti mill-awtoritajiet responsabbli mill-infurzar tal-liġi.

Sar appell sabiex l-awtoritajiet Eġizzjani  jilħqu l-aspirazzjonijiet tal-poplu Eġizzjan permezz ta' riforma politika u tinbeda, minn issa t-transizzjoni ordinata għal gvern rappreżentattiv. L-aspirazzjonijiet demokratiċi taċ-ċittadini għandhom jiġu indirizzati permezz ta' djalogu u riforma politika, b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u permezz ta' elezzjonijiet ħielsa u imparzjali.

L-Unjoni Ewropea hija determinata li tappoġġa bis-sħiħ il-proċessi ta' transizzjoni lejn id-deomkrazija, pluraliżmu, opportunitajiet imtejba għal prosperità ekonomika u inklużjoni soċjali, u tisħiħ fl-istabbiltà reġjonali.

pr0229a Kunsill Ewropew_Konkluzjonijiet.pdf

pr0229b Energy 2020_ A strategy for competitive, sustainable and secure energy.pdf

pr0229c Energy infrastructure priorities for 2020 and beyond.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow