PREMJU GĦALL-AĦJAR STUDENT GĦAWDXI FIL-LIĠI KOSTITUZZJONALI.
L-aħjar student jew studenta fil-Liġi Kostituzzjonali fost dawk l-istudenti Għawdxin li qed jattendu l-Kors tal-Liġi fl-Università ta’ Malta ser jingħata jew tingħata premju ta’ €1,000 mill-familja ta’ Sir Arturo Mercieca.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, f’isem il-familja Mercieca, waqt taħdita pubblika li saret fis-Sala tal-Konferenzi tal-Ministeru għal Għawdex. Din l-attività kienet organizzata mill-Ministeru għal Għawdex bil-kollaborazzjoni tal-familja ta’ Sir Arturo Mercieca, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tat-traduzzjoni tal-awto-biografija tiegħu għall-Malti.
Il-Ministru Debono qalet li kemm fil-karriera legali tiegħu, kemm fl-esperjenza qasira fil-politika, kif ukoll fil-karriera tiegħu bħala Prim Imħallef u President tal-Qorti tal-Appell, Sir Arturo Mercieca dejjem iddistingwa ruħu bħala bniedem serju u ta’ integrità kbira li kien lest li jwettaq bl-aħjar mod possibbli d-dmirijiet tiegħu akkost li jbati għall-prinċipji tiegħu. Hija rreferiet ukoll għall-inizjattiva li l-Ministeru għal Għawdex ħa xi snin ilu fejn fir-Rabat Għawdex semma’ triq u l-iskola primarja għal Sir Arturo, kif ukoll twaqqaf bust tiegħu fl-intrata prinċipali li tagħti għall-istess skola u għal-Librerija Pubblika. Żiedet tgħid, li t-traduzzjoni għall-Malti tal-awtobiografija tiegħu se tilħaq udjenza mill-aktar wiesgħa. Il-Ministru għal Għawdex qalet li Sir Arturo ħadem u ta’ kontribut qawwi biex Malta tkun tista’ tikseb is-sovranità tagħha. Hija sostniet li minkejja l-pożizzjonijiet għolja li kellu, Sir Arturo dejjem ta’ xhieda qawwija ta’ iben dehen ta’ Għawdex u li kull fejn seta’ ħa l-okkażjoni biex jagħmel magħruf il-fatt li kien Għawdxi.
Waqt din l-attività tkellmu wkoll Mons Dr Joseph Bezzina, is-Sur Franco Masini u l-Imħallef Giovanni Bonello, li ttrattaw aspetti differenti tal-ħajja ta’ Sir Arturo Mercieca.
Fi tmiem l-attività, il-Ministru għal Għawdex ġiet ippreżentata bil-ktieb Sir Arturo Mercieca – Il-Mixja ta’ Ħajti, li ġie tradott mis-Sur Godwin Ellul.
Sir Arturo Mercieca twieled fir-Rabat Għawdex fl-1878 u matul ħajtu okkupa karigi ewlenin tal-pajjiż fosthom bħala rappreżentant ta’ Għawdex fil-Kunsill tal-Gvern (1907-10) u Prim Imħallef u President tal-Qorti tal-Appell (1924 – 1940).
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003