LIVELL IEĦOR TA’ PROTEZZJONI LILL-KONSUMATUR - SE TIDĦOL FIS-SEĦĦ IL-METROLOĠIJA LEGALI
Kif tħabbar fil-Budget għall-2011, il-Gvern se jdaħħal fis-seħħ il-metroloġija legali. Din hi inizjattiva oħra favur il-konsumatur għaliex permezz tagħha se jkun meħtieġ li b'mod regolari jiġi vverifikat l-apparat li jindika kejl jew qies u li fuqu jinħareġ kont lill-konsumatur. B'hekk ikun assigurat li kull apparat tal-kejl ikun qed jaħdem tajjeb, kif suppost, u ħadd ma jħallas iżjed milli hu obbligat għal xi prodott li jkun xtara.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur u l-Kompetizzjoni Ġusta Chris Said u miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Istandards Francis E. Farrugia.
L-apparat li se jkun verifikat perjodikament jinkludi:
- magni li jibbottiljaw iċ-ċilindri tal-gass;
- il-cameras tas-CVA;
- l-ispeed cameras;
- il-meters tat-taxis;
- il-pompi tal-petrol;
- u kull tip ta' mwieżen bħal dawk li jinsabu fil-ħwienet tal-merċa u supermarkets.
Din it-tabella tindika meta se tidħol il-metroloġija legali f'kull każ, u l-frekwenza ta' kemm-il darba se jsiru l-verifiki fuq apparat li jintuża għall-kejl.
| Kategorija | Tip | Frekwenza | Tidħol fis-seħħ |
| strumenti għall-kejl tal-veloċita' | speed cameras | kull sena | Marzu 2011 |
| strumenti għall-kejl tal-ħin | cameras tas-CVA | kull sena | Ġunju 2011 |
| meters tat-taxis | meters elettroniċi | kull sena | Ġunju 2011 |
| apparat li jkejjel likwidi għajr ilma | pompi tal-petrol | kull sena | Ġunju 2011 |
| mwieżen u strumenti ta' kejl mhux awtomatiċi | għall-kejl bl-imnut u bl-ingross | kull ħames snin | Settembru 2011 |
| għall-kejl ta' oġġetti ta' valur | kull tliet snin | Settembru 2011 | |
| mwieżen u strumenti ta' kejl awtomatiċi | magni għall-ibbotttiljar tal-gass | kull sena | Mejju 2011 |
| mwieżen diġitali jew elettroniċi | kull ħames snin | Settembru 2011 | |
| mwieżen għall-użin ta' vetturi tqal u mgħobbijin | kull sena | Settembru 2011 | |
| catchweighers | kull sentejn | Settembru 2011 |
.
Tħabbar ukoll li minn Jannar 2012 se jibdew isiru spezzjonijiet fuq l-ippakkeġġjar tal-ikel, likwidi, minerali u deterġenti. Kull prodott ippakkeġġjat ikollu l-marka 'e' qrib l-indikazzjoni tal-piż jew tal-volum. Huma ħafna l-manifatturi lokali ta' prodotti pakkeġġjati li jużaw il-marka 'e' biex jindikaw li l-prodott tagħhom kien ippakkeġġjat kif suppost u li l-volum u l-piż jaqbel ma' dak indikat fuq il-pakkett.
Madanakollu f'pajjiżna, sa issa, ma kellniex leġislazzjoni li tirregola din is-sistema fejn dawk li jużaw din il-marka jridu jżommu records ta' kull lott kif ukoll kif ħadmu l-valur indikat fuq l-ippakkeġġjar.
Permezz ta' avviż legali li se jidħol fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2012, il-manifatturi se jkollhom l-obbligu li jżommu din l-informazzjoni biex tiġi verifikata mill-uffiċjali tal-Awtorità kompetenti. B'hekk il-konsumatur se jkollu livell ieħor ta' protezzjoni għaliex ikun jista' jserraħ rasu li dak li jkun qed iħallas għalih, ikun verament qed jieħdu.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said fakkar li f'qasir żmien dawn il-kompetenzi kollha se jaqgħu taħt l-Istitut dwar l-Istandards u l-Metroloġija fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA). Id-dibattitu fil-Parlament dwar l-abbozz ta' liġi li jwaqqaf din l-Awtorità jinsab fl-istadju ta' kumitat.
Għal aktar informazzjoni dwar il-metroloġija legali u dwar l-abbozz tal-Avviż Legali fuq l-ippakkeġġjar tista' tintbagħat email lill-Awtorità Maltija għall-Istandards (MSA) fuq info@msa.org.mt
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003