IL-PRESIDENT GEORGE ABELA JTEMM IŻ-ŻJARA TIEGĦU FIL-KULLEĠĠ SAN TUMAS MORE
"L-edukazzjoni soda hija importanti sabiex jinħolqu ċittadini sodi għall-futur tal-pajjiż." Dan qalu l-President George Abela meta dalgħodu kompla jżur iktar skejjel li jagħmlu parti mill-Kulleġġ San Tumas More.
F'din iż-żjara l-President Abela ngħata merħba permezz ta' programmi mħejjin għall-okkażjoni mill-istudenti u l-għalliema. B'dan il-mod il-President George Abela seta' jiltaqa' mal-istudenti li kantaw, qraw poeżiji, żifnu u ħadu sehem fi drammi u attivitajiet sportivi mħejjin apposta u dan bil-għan biex jippreżentaw l-iskejjel rispettivi tagħhom. Il-President żar ukoll xi klassijiet waqt il-lezzjonijiet tagħhom u ddiskuta xi suġġetti li fih kienu qed jitħarrġu dak il-ħin. F'xi skejjel ġie wkoll ippreżentat b'donazzjoni għall-Malta Community Chest Fund li tant hija għall-qalb il-President u s-Sinjura tiegħu.
Il-President Abela wera l-pjaċir tiegħu jiltaqa' mal-istudenti ta' kull età kemm iċ-ċkejknin tal-Kinder u dawk tal-Primarja kif ukoll dawk tas-Sekondarja. Il-President kellu kliem ta' tifiħir għad-dedikazzjoni tal-għalliema u għall-edukazzjoni sħiħa u l-inizjattivi extra-kurrikulari li l-istudenti qegħdin jirċievu sabiex verament jrawmu personalità. Żied jgħid li l-ambjent fejn isir it-tagħlim huwa importanti imma l-iskola mhux magħmula biss mill-bini iżda mill-ħidma fejjieda tal-għalliema u l-impenn tal-istudenti. Huwa wera x-xewqa li jkompli jżur l-iskejjel kollha sabiex, fi kliemu, bħala Kap ta' Stat, juri l-importanza li għandha tingħata lill-edukazzjoni li fuqha nibnu s-sisien ta' futur sabiħ għall-pajjiżna bl-aħjar ċittadini. F'kull skola, il-President ippreżenta numru ta' kotba għal-libreriji rispettivi sabiex jitgawdew mill-istudenti.
Dan huwa s-seba' Kulleġġ li l-President żar, liema żjara bdiet nhar il-Ġimgħa 25 ta' Jannar, fejn żar l-iskola Primarja ta' Ħal Tarxien, l-iskola Sekondarja tas-Subien f'Raħal Ġdid, l-iskejjel Primarji A u B fil-Fgura u l-Iskola Primarja ta' Wied il-Għajn. Iż-żjara ntemmet illum billi żar dawn l-iskejjel: il-Junior Lyceum tas-Subien, fil-Ħamrun, il-Junior Lyceum tal-Bniet fiż-Żejtun, l-iskola Primarja A u B taż-Żejtun u l-iskola Primarja ta' Marsaxlokk.
Il-President George Abela kien akkumpanjat mill-Prinċipal tal-Kulleġġ is-Sinjura Josephine Mifsud.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003