JITNIEDA T-TAXPAYERS CHARTER - DRITTIJIET U DMIRIJIET GĦAL MIN IĦALLAS IT-TAXXA
It-tisħiħ tar-relazzjoni bejn id-dipartimenti tat-taxxa u l-komunità lokali, fuq bażi ta’ fiduċja u rispett reċiproku huwa l-oġġettiv ewlieni tat-Tax Payers’ Charter. Dan id-dokument tnieda dalgħodu mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech waqt konferenza internazzjonali organizzata mill-Malta Institute of Taxation.
Il-Ministru Tonio Fenech saħaq fuq l-importanza “li nipprovdu servizz ġust u effiċjenti, iżda fl-istess waqt li nkunu iebsin ma’ dawk li jippruvaw jevitaw l-obbligazzjonijiet tagħhom għad-detriment ta’ dawk li josservaw il-liġi.” Dan iċ-Charter huwa riżultat ta’ inizjattiva tal-Baġit 2010, li evolva fil-verżjoni finali wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-Ministru spjega wkoll li “dan huwa xhieda ta’ impenn favur livell ta’ servizz ta’ kwalità ogħla, li jfittex li jnaqqas il-burokrazija u b’hekk isaħħaħ il-kompetittività tal-pajjiż.”
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Fenech tkellem ukoll dwar is-suġġett tal-iskambju ta’ informazzjoni għal skopijiet ta’ taxxa bejn l-awtoritajiet fiskali ta’ pajjiżi differenti. Huwa spjega kif is-suq intern tal-Unjoni Ewropea joffri opportunitajiet kbar f’termini ta’ investiment u xogħol. F’dan il-kuntest, l-interess tal-Gvernijiet Ewropej huwa li jiffaċilitaw liċ-ċittadini u n-negozji Ewropej biex jinvestu f’pajjiżi differenti mingħajr diskriminazzjoni u tassazzjoni doppja, iżda fl-istess ħin li jevitaw l-evażjoni fiskali.
Il-Ministru sostna li sistema effettiva ta’ kooperazzjoni amministrattiva fuq livell Ewropew fil-qasam fiskali li tnaqqas l-evażjoni hija kruċjali biex pajjiżna ma jitlifx id-dħul neċessarju li jerġa’ jinvestih fl-edukazzjoni, fis-sistema soċjali u fi proġetti infrastrutturali li jkomplu jsaħħu l-kompetittività tal-pajjiż. Filwaqt li l-kontroll huwa kruċjali, Tonio Fenech spjega kif Malta għandha fost l-aktar rati baxxi ta’ tassazzjoni fl-Ewropa. Filfatt id-dħul tal-Gvern mit-taxxa huwa ta’ 34.7% tal-Prodott Gross Domestiku meta mqabbel mal-medja Ewropea ta’ 37%. Malta għandha wkoll l-aktar rata medja baxxa ta’ taxxa tad-dħul fuq l-impjiegi, filwaqt li għas-sidien tan-negozju jeżistu skemi ta’ rifużjonijiet b’mod partikolari b’rabta mal-investiment.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003
pr0206.pdf