IL-MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, DOLORES CRISTINA, TAĊĊETTA RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IT-TMEXXIJA TAL-LIBRERIJI FL-ISKEJJEL
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina, aċċettat ir-rakkomandazzjonijiet magħmula minn grupp li ħatret biex jeżaminaw il-ktieb “Vampir” li kien tneħħa minn xi libreriji tal-iskejjel tal-Gvern.
Ir-rapport li qed ikun ippubblikat ma’ din l-istqarrija, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kotba fil-libreriji tal-iskejjel irrakkomanda li:
• Għandu jkun hemm grupp ta’ professjonisti jew nies b’ħiliet relevanti għall-qasam, biex jikklassifikaw il-kotba. B’dan il-mod, il-klassifikazzjoni tkun qed tiġi bbażata fuq perspettivi differenti.
• Flimkien mal-esperti għandu jkun hemm ukoll numru ta’ żgħażagħ biex jagħtu l-opinjoni tagħhom mill-perspettiva ta’ żgħażagħ.
• L-ixkaffar fejn jitqiegħdu l-kotba fil-libereriji tal-iskejjel għandu jkun maqsum skont faxex ta’ etajiet tal-istudenti (eż. minn 8 snin ’il fuq, minn 10 snin ’il fuq, minn 13-il sena ’l fuq eċċ). Imbagħad skont l-età jitpoġġew kotba adattati.
• L-istudenti għandhom jiġu ggwidati mil-Librara biex ifittxu kotba mill-ixkafef skont l-età u l-maturità tagħhom.
Dwar il-ktieb “Vampir”, wara li analizza l-kontenut tiegħu, il-maġġoranza tal-grupp qablet li dan il-ktieb għandu jkun aċċessibli għall-istudenti li qegħdin fir-Raba’ u l-Ħames sena tal-iskejjel sekondarji filwaqt li membru tal-grupp ma kienx konvint minn dan.
Il-grupp kien immexxi mis-Sur Trevor Zahra, is-Sinjura Helen D’Amato, is-Sinjura Sandra Cortis u s-Sur Mario Schiavone.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003