Left arrow Go Back

STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA

pr0169
Date Icon 29/01/2011

Il-parteċipazzjoni qawwija ta’ ġenituri u għalliema għal laqgħat ta’ informazzjoni li d-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni qed jorganizza biex jagħti informazzjoni dwar is-sistema l-ġdida ta’ assessjar fi tmiem il-primarja, jixhdu l-interess kbir f’din ir-riforma li qed tintlaqa’ b’mod pożittiv.

Din ir-riforma bdiet sentejn ilu meta tneħħiet is-sistema ta’ l-istreaming mill-ħames sena tal-primarja u s-sena ta’ wara din is-sistema tneħħiet ukoll mis-sitt sena.  F’Ġunju li għadda sar għall-aħħar darba l-eżami tal-Junior Lyceum u tal-Common Entrance.  F’dawn is-sentejn sar xogħol mal-għalliema kollha tas-sitt sena bi preparazzjoni għad-dħul tas-sistema l-ġdida ta’ assessjar fi tmiem il-primarja.

Ħafna mid-deċiżjonijiet ittieħdu mal-għalliema nfushom f’numru ta’ laqgħat.  Matul dawn il-laqgħat ħarġu numru ta’ suġġimenti u ideat li d-Direttorat ikkunsidra bir-reqqa fit-tfassil tar-riforma.

Twaqqaf Kumitat minn rappreżentanti tal-Iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u dawk Indipendenti u l-aspetti kollha tas-sistema l-ġdida kienu diskussi flimkien u dwarhom kien hemm qbil mill-partijiet kollha.

Gruppi ta’ għalliema tas-sitt sena iltaqgħu u għamlu suġġimenti dwar x’forma għandu jieħu il-metodu l-ġdid ta’ assessjar u l-kontenut li għandu jkun fih.  Dawn is-suġġimenti marru għand timijiet ta’ esperti edukattivi mill-Fakulta tal-Edukazzjoni tal-Università u t-tliet setturi li ħolqu l-mudell tal-karti tal-eżamijiet.

Fil-parti tas-smiegħ u t-taħdit ta’ dan l-assessjar sar ħafna xogħol fl-iskejjel ma’ studenti u minn din l-inizjattiva li damet għaddejja aktar minn sena, inbnew riżorsi għall-għalliema li ntużaw waqt sessjonijiet ta’ taħriġ li saru tul l-aħħar sentejn.  Dawn ir-riżorsi tpoġġew fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tal-Kurrikulu u ngħataw ukoll lill-ġenituri u lill-membri tal-pubbliku waqt il-laqgħat li qed isiru bħalissa.

Minn meta tħabbret ir-riforma fl-assessjar diġa saru 23 laqgħa fil-kulleġġi kollha u fl-Università u anke laqgħat għall-pubbliku in ġenerali u għad fadal isiru laqgħat oħra għall-ġenituri tat-tfal u l-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti, liema laqgħat se jsiru matul il-ġimgħa d-dieħla.

Is-suġġerimenti u l-kummenti li jsiru matul dawn il-laqgħat qed jinġabru u jiġu kkunsidrati waqt li jkun qed jitfassal l-assessjar proprju li se jsir f’Ġunju li ġej.

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja innota b’sodisfazzjon il-parteċipazzjoni qawwija f’dawn il-laqgħat u l-apprezzament li wrew bosta ġenituri għat-tibil li se jsir.

Diġa hemm ippjanati numru ta’ laqgħat oħra mal-għalliema u l-ġenituri li se jiffukaw fuq kif se tkun l-esperjenza fl-iskejjel sekondarji minn Settembru li ġej meta t-tfal tal-Form I imorru fl-istess skola fil-Kulleġġ tagħhom u ma jibqgħux mifruda f’Junior Lyceums u Area Secondaries.

Dan juri kemm kuntrarjament għall-kritika tal-kelliem tal-Oppożizzjoni, Evarist Bartolo, li      dan il-proċess ta’ riforma qed isir bla ppjanar u qed jiddaħħal b’mod mgħaġġel, m’hix ġustifikata.  Anqas ma hu ġustifikat jingħad li l-għalliema mhux  preparati għal dan it-tibdil.  Saru numru ta’ laqgħat u sessjonijiet ta’ taħriġ għall-għalliema tas-sitt sena li ppreparawhom għat-tibdil ippjanat.  Il-Ministeru hu fiduċjuż li l-għalliema professjonali tagħna huma kapaċi li jmexxu dan il-proċess b’effiċjenza biex minnu joħroġ is-suċċess li kulħadd jixtieq.

Sadattant il-Ministeru innota b’sodisfazzjon ir-reazzjoni pożittiva tal-Alternattiva Demokratika li laqgħet bil-ferħa is-sistema l-ġdida tal-assessjar u l-mod kif qed jaħdmu l-Kulleġġi tagħna u sostniet li b’din ir-riforma ma għadniex nifirdu lit-tfal u m’għadniex nittratawhom b’mod differenti.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow