DISKORS MILL-ONOR. MARIO GALEA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, WAQT IL-KONFERENZA ‘BLADDER & BOWEL HEALTH IS EVERYONE’S BUSINESS’ – RESIDENZA SAN VINĊENZ DE PAULE – IL-ĠIMGĦA, 28 TA’ JANNAR 2011
Nixtieq nifraħ lill-Incontinence Nurse, is-Sinjura Antoinette Zahra tar-Residenza San Vinċenz de Paul għal din l-inizjattiva. Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija meta nara l-progress li sar f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar snin. Qed naraw mhux biss qabża fil-kwalità tal-kura li qed nagħtu, imma wkoll qiegħda dejjem tiżdied l-informazzjoni u l-għarfien dwar din il-kundizzjoni kemm fost il-professjonisti tagħna, kif ukoll fost il-pubbliku.
Għal darb’oħra fi żmien ftit xhur, dan it-teatru ġewwa r-Residenza San Vinċenz, qed jiftaħ il-bibien u jilqa’ fi ħdanu numru ta’ professjonisti mill-qasam tas-saħħa, anzjani u kura fil-komunità, biex flimkien naqsmu ideat fuq temi partikolari. B’għan wieħed; dak li ntejbu l-kwalità ta’ kura li qed noffru biex b’hekk intejbu l-ħajja tal-klijenti tagħna.
Jien nemmen fl-edukazzjoni kontinwa tul il-ħajja u għalhekk ma nistax ma nesprimix is-sodisfazzjon tiegħi li llum ninsab fostkom biex niftaħ din il-Konferenza.
It-tema magħżula ta’ din il-Konferenza: ‘Bladder & Bowel Health is Everyone’s Business’ hija sinifikanti ħafna għaliex tolqot lil kulħadd, irrispettivament jekk tbatix minn inkontinenza jew le.
Illum qed inħarsu dejjem aktar lejn l-aspett tal-kura preventiva. Ma nistax ma nirreferix għall-inizjattiva li ttieħdet riċentament mill-Ministeru tagħna fejn ġiet organizzata Open Day li fiha numru kbir ta’ nies żaru din l-attività. Kien hemm interess kbir mhux biss biex jaraw kif jaħdem dan il-Ministeru, imma saħansitra kien hemm kjus kbar ta’ nies li ħadu l-opportunità biex jagħmlu medical check up.
Dan juri biċ-ċar li għandna poplu li qiegħed isir aktar konxju dwar saħħtu. Ir-riċerka u l-avvanzi li kuljum iseħħu fil-mediċina qed iwasslu biex itawlu l-ħajja tagħna. Dan kollu qed jirrifletti fid-demografija tal-poplu tagħna. Aħna poplu li qed jixjieħ, tant li l-life expectancy f’Malta hija fost l-aħjar fid-dinja; 77 fl-irġiel, 82.1 fin-nisa. Tant hu hekk, li sa ftit żmien ilu konna nitkellmu fuq it-Tielet Età, imma llum nitkellmu fuq l-Ewwel Età Childhood, it-Tieni Età Working Period, it-Tielet Età Post Retirement u r-Raba’ Età jiġifieri l-livell ta’ dipendenza. Meta ma tibqax kapaċi tagħmel l-activities of daily living waħdek u jkollok bżonn l-għajnuna ta’ ħaddieħor.
Iżda dan is-suċċess ma jiġix mingħajr xi konsegwenzi. Il-bniedem qed jgħix aktar, u għalhekk il-mard u l-kumplikazzjonijiet li ġġib magħha l-età avvanzata kull ma jmur qed jiżdiedu. Għalhekk qed naħdmu biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna, kemm dawk fil-komunità, kif ukoll dawk f’istituzzjoni (we want to add life to years not years to life).
Ħadd ma jista’ jinnega l-fatt illi l-ambjent fir-Residenza San Vinċenz kif nafuh illum, huwa wieħed ta’ eċċellenza. Huwa ta’ sodisfazzjon għalija meta nara l-progress li sar f’dawn l-aħħar snin, mhux biss fl-ambjent tal-Isptar fejn għadna kif lestejna l-Blokk il-Ġdid Ġwanni Pawlu II, iżda wkoll fil-kura li qed tingħata minn hawn. Dan huwa kollu frott tal-ħidma tagħkom, tal-impenn u d-dedikazzjoni tagħkom intom il-professjonisti u l-ħaddiema li taħdmu hawn.
Huwa ta’ unur kbir għalija kemm bħala Segretarju Parlamentari li ġej mill-qasam tas-saħħa, u b’mod partikolari bħala nurse li nara din il-professjoni tiżviluppa u tieħu rwol aktar responsabbli fil-kura li qed tingħata. Illum qed nagħrfu dejjem aktar il-ħtieġa ta’ kura ħolistika minn tim multidixxiplinarju fejn ir-rwol ta’ nurse hu ferm u ferm importanti.
Kien għalhekk li ħsibna biex nagħmlu Nursing Speciality Unit fir-Residenza San Vinċenz, Unit li hi amministrata minn grupp ta’ nurses. Din tagħmel parti mill-istorja ta’ suċċess, minħabba li fi żmien xahrejn qed tiġi organizzata t-tieni konferenza, din id-darba fuq l-aspett tal-promozzjoni tal-kontinenza.
In-numru ta’ persuni li jbatu bl-inkontinenza mhuwiex wieħed li nistgħu ninjorawh. Sfortunatament m’għandniex statistika eżatta fuq dan l-aspett minħabba li jkun hemm min jipprova jaħbi din il-kundizzjoni. Nista’ ngħid li f’nappies biss, il-Gvern kull sena jonfoq aktar minn miljun u nofs f’sussidju, apparti oħrajn li jingħataw b’xejn fl-istituzzjonijiet tal-Gvern. Għalkemm l-inkontinenza mhix xi kundizzjoni fatali, hija kundizzjoni li tista’ taffettwa l-individwu soċjalment, emozzjonalment, fiżikament, psikoloġikament u ekonomikament.
L-inkontinenza tista’ tvarja minn ftit inkonvenjenza, għal problema totali; kemm għall-individwu li qed ibati minn din il-kundizzjoni, kif ukoll għall-familjari tiegħu. Hija kundizzjoni li ħafna jsibuha mbarazzanti biex jitkellmu dwarha. Sfortunatament, din il-kundizzjoni għadha mgeżwra b’ċerta stigma.
L-inkontinenza ma’ tagħmilx distinzjoni ta’ sess, età jew klassi soċjali. Irridu nkomplu naħdmu biex innaqqsu l-perceptions żbaljati li sfortunatament għadhom marbuta ma’ din il-kundizzjoni. Per eżempju, mhux vera li la nikbru fl-età ser insiru inkontinenti. Anzi wisq nibża’ li kultant bil-kultura u l-attitudni żbaljata tagħna, nistgħu nkunu aħna stess li noħolqu pazjenti inkontinenti. Biex inkun ċar, qed nirreferi għall-użu eżaġerat tan-nappies u urinary catheterisation, fejn xi drabi dan isir għall-konvenjenza tagħna b’detriment għall-pazjent.
Minkejja l-għadd kbir ta’ nies bl-inkontinenza u s-soluzzjonijiet varji disponibbli, l-attitudni negattiva tas-soċjetà tagħna rigward l-inkontinenza tista’ tirriżulta f’esklużjoni soċjali. Dan jista’ wkoll jirriżulta li l-persuna ma tfittix l-għajnuna minħabba l-biża’ li tiġi ttimbrata.
L-inkontinenza tista’ tiddemoralizza anki l-familjari li qed jieħdu ħsieb lil min qed ibati minn din il-kundizzjoni. B’hekk tista’ xxaqleb il-bilanċ minn bniedem indipendenti li jgħix ġo daru, għal bniedem li jiġi sfurzat biex jidħol ġewwa Dar tal-Anzjani. Għal dan il-għan, il-Gvern ħa diversi miżuri biex jgħin lill-anzjani jaffrontaw din il-problema, fosthom l-introduzzjoni ta’ nurse speċjalizzata f’dan il-qasam li hija wkoll assistita minn numru ta’ link nurses f’kull ward ta’ San Vinċenz biex jippromwovu l-kontinenza.
Huma konferenzi bħal dawn li jgħinu biex inżommu l-momentum u nħeġġu livell aktar għoli ta’ indipendenza irrispettivament mill-età, u biex naċċertaw kwalità ta’ ħajja aħjar. M’għandix dubju li l-preżentazzjonijiet li se jsegwu matul il-ġurnata ser ikattru aktar l-għarfien tagħkom u jgħinukom biex tkunu aktar motivati. L-appell tiegħi hu li dan l-entużjażmu li se toħorġu bih minn hawn, teħduh magħkom fuq il-post tax-xogħol u taqsmuh ma’ sħabkom li forsi ma kellhomx l-opportunità li jkunu preżenti magħna llum.
Biex nagħlaq irrid ngħid li jekk inħarsu lura u naraw minn fejn tlaqna f’dan il-qasam, nindunaw bil-ħafna li rnexxielna nagħmlu. Diġà għamilna ħafna. Biss għamilna kemm għamilna ma nistgħux nieqfu. Aktar kemm tagħmel, aktar tinduna kemm fadal x’isir. Jekk inħarsu lejn il-passat, għandna ta’ bilħaqq nimtlew bil-kuraġġ.
Jekk inħarsu lejn il-futur, naraw quddiemna opportunitajiet u sfidi ġodda. Biex inkunu aħjar. Biex inkomplu nagħmlu differenza fil-ħajja tal-klijenti tagħna.
Nagħlaq bi kwotazzjoni tal-ex Prim Ministru Ingliż Sir Winston Churchill li nemmen li tgħodd ħafna għalikom. Winston Churchill darba qal ‘We have achieved a lot, we had lots of successes, but our business is not yet finished and we have miles to go before we go to sleep’.
Prosit. Grazzi u awguri mill-qalb.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003