DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-WIRJA “ANNE FRANK: ĠRAJJIET GĦAL ŻMINIJIETNA – BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – IL-ĦAMIS, 27 TA’ JANNAR 2011
Fis-27 ta’ Jannar 1945, Otto Frank kien fost dawk li rnexxielhom isalvaw u li nħelsu minn Auschwitz. Bħala raġel miżżewweġ u missier, nista’ biss nimmaġina kemm il-fatt li salva kien ta’ pjaċir u niket għalih fl-istess ħin.
Illejla, 66 sena wara, qed niltaqgħu hawnhekk biex infakkru l-wirt li ħalliet bintu fil-Jum tat-Tifkira tal-Olokawst.
Eċċellenzi,
Mistednin Distinti,
Sinjuri,
Il-Jum tat-Tifkira tal-Olokawst twaqqaf b’għan partikulari ħafna.
Huwa jum li jitlob minna li nieqfu u nirriflettu.
Huwa jum li jitlob minna li nirriflettu fuq l-atroċitajiet li seħħew qabel, biex dawn iservu bħala twissija. Kif qal tant tajjeb Rudyard Kipling meta kien qed jitkellem dwar l-atroċità tal-gwerra, 'biex ma ninsewx'.
L-istorja ta’ Anne Frank hija tant qawwija għaliex għall-ġenerazzjonijiet issimbolizzat dak li tassew fissret il-gwerra u b’mod partikulari l-Olokawst. Huwa inkredibbli meta wieħed jaħseb li l-wirt li ħalliet Anne Frank issawwar f’mhux iktar minn ħmistax-il sena. Minkejja li għexet ftit snin mimlijin tbatija, il-fibra morali tagħha tant kienet qawwija li minn mewtha 'l hawn, isimha jippersonifika l-qawwa u l-onestà morali.
Anki waqt li kienu qed iseħħu l-agħar atroċitajiet tal-Olokawst, xorta rnexxielha tikteb kliem tant qawwi bħal, “minkejja kollox, xorta nibqa’ nemmen li n-nies għandhom qalbhom tajba”. Tant snin wara, il-kliem tagħha jibqa’ raġġ ta’ dawl ta’ tama fid-dinja.
Madankollu, l-istorja ta’ Anne Frank mhijiex biss qawwija għaliex tirrakkonta esperjenza personali iżda għax tirrappreżenta l-istorja kollettiva ta’ miljuni ta’ nies fl-Ewropa kollha li ġew ippersegwitati minħabba raġunijiet ta’ razza u etniċità. Kliemha wasslu ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ nies biex, mhux biss jissimpatizzaw magħha, iżda anki mal-miljuni ta’ nies oħra li sofrew l-istess atroċitajiet u ma salvawx mill-kruha tal-Olokawst.
Hekk kif Otto Frank iddedika ħajtu biex jassigura li dawn il-memorji jibqgħu jinżammu ħajjin permezz tat-tifkiriet ta’ bintu, hekk ukoll dawk li salvaw mill-Olokawst jikkontribwixxu biex jgħinuna niftakru dawn l-atroċitajiet. Kif kellna l-privileġġ li nisimgħu llejla permezz tal-esperjenza tas-Sur Thomas Blatt, dawk li salvaw iġorru l-piż tal-memorji tagħhom b’dinjità u kuraġġ.
Esperjenzi bħal dawn ma jħallux biss effett fuq livell personali. Il-gwerer u l-ġenoċidji servew bħala tifkiriet koroh biex is-sistema internazzjonali tħoss il-ħtieġa li tirriorganizza lilha nfisha u tassigura li ġrajjiet bħal dawn ma jirrepetux ruħhom. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, rajna r-riorganizzazzjoni sħiħa tal-komunità internazzjonali bit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti li jippersonifikaw il-valur tar-rikonċiljazzjoni, id-djalogu u n-negozjati bħala bażi għad-diplomazija internazzjonali.
Bħala bniedem, inħossni nistħi ngħid li atroċitajiet bħal dawn u l-indafa etnika għadhom iseħħu. Dawn l-affarijiet għandhom ikomplu jistimulaw lill-komunità internazzjonali biex tintervjeni mhux wara li jseħħu traġedji bħal dawn imma għandu jkollha rwol attiv fil-bini tal-ħiliet u fl-iżvilupp ta’ pajjiżi u reġjuni bħal dawn. Fid-dinja globalizzata li qed ngħixu fiha, ħadd ma jista’ jew għandu jinjora ġrajjiet bħal dawn għaliex dawn joħolqu konsegwenzi li jibqgħu jinħassu u li jħallu impatt fuqna lkoll. Id-drama umana tal-immigrazzjoni illegali u dawk li jfittxu ażil hija eżempju tipiku. Filwaqt li nirrispettaw is-sovranità tal-istati, għandna nibqgħu impenjati fir-responsabbiltà li nipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-umanità.
Dawn il-ġrajjiet jgħallmuna li fid-dinja tagħna d-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem m’humiex garantiti. Jeħtieġ li dawn jiġu mħarsa u rispettati fis-soċjetajiet tagħna, u hija r-responsabbiltà tagħna bħala mexxejja politiċi, reliġjużi u edukaturi li nrawmu dan ir-rispett fil-poplu tagħna. Jeħtieġ li naħdmu flimkien u noħolqu soċjetà li tirrikonoxxi u tirrispetta d-differenzi ta’ bejnietna u l-umanità komuni tagħna. Dan huwa l-messaġġ li qegħdin niċċelebraw ukoll illejla.
Sinjuri,
Din il-wirja hija tifkira reali tal-effetti tad-diskriminazzjoni u tar-razziżmu.
Madankollu, “Id-Djarju ta’ Tfajla Żagħżugħa” huwa raġġ ta’ dawl, barka moħbija, indikazzjoni li t-tajjeb jittrijonfa fuq il-ħażen.
Hekk kif nesploraw il-wirja u l-kitbiet ta’ Anne Frank, nieħdu minnhom il-lezzjonijiet bażiċi tal-ħajja, u nsaħħu l-impenn tagħna lejn iż-żamma tal-paċi fil-forom kollha tagħha u fil-livelli kollha.
It-twemmin tagħha fil-fidi u fit-tjubija tan-nies għandu jibqa’ wkoll valur li jiggwida l-ħajja tagħna u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
It-traġedja ta’ din it-tfajla żagħżugħa ġiet ittrasformata f’opportunità għalina lkoll biex nieqfu u nifhmu li l-paċi hija suprema.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003