Left arrow Go Back

JUM IL-PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI 2011

pr0152
Date Icon 28/01/2011

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru lbieraħ organizza konferenza f’Dar il-Mediterran, Ċentru tal-Konferenzi, għal uffiċjali pubbliċi inkarigati mill-protezzjoni tad-data personali, biex jiġi mfakkar Jum il-Protezzjoni tad-Data Personali, li jaħbat illum.  Dan il-jum qiegħed jiġi ċċelebrat mill-Kunsill tal-Ewropa, bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea, f’għeluq l-20 sena minn meta tniedet il-Konvenzjoni 108 li tirrigwarda l-ipprocessar tad-data personali b’mod awtomatiku.  Malta rratifikat din il-Konvenzjoni fit-28 ta’ Frar 2003, wara li l-Parlament Malti b’mod unanimu għadda l-liġi tal-Protezzjoni u Privatezza tad-Data, Kap 440.

Din l-inizjattiva ġiet imwaqqfa bl-iskop li jittellgħu attivitajiet li permezz tagħhom iċ-ċittadini Ewropej isiru dejjem aktar konxji dwar x’informazzjoni tinġabar dwarhom u kif din tiġi pproċessata, kif ukoll biex dawn jifhmu x’inhuma d-drittijiet tagħhom rigward dan l-ipproċessar.  Is-Servizz Pubbliku ilu jikkommemora dan il-Jum minn meta twaqqfet din l-inizjattiva fl-2007.

Indirizza din il-konferenza fost oħrajn Dr. Godwin Grima, Segretarju Permanenti Ewlieni.  Huwa għamel referenza għall-qafas legali mħaddan fl-Unjoni Ewropea.  Sostna li, minkejja li s-Servizz Pubbliku minn dejjem kien josserva l-kunfidenzjalità meta jipproċessa data personali, il-liġi tal-Protezzjoni u Privatezza tad-Data daħħlitna f’dimensjoni oħra – dik li toħloq bilanċ bejn il-bżonn li l-entitajiet jipproċessaw l-informazzjoni biex jagħtu servizz, u d-dritt tal-individwu għall-privatezza tiegħu.  Huwa ta rendikont ukoll tal-progress li sar fiċ-Civil f’dan il-qasam, fosthom t-taħriġ li ngħata lil numru kbir ta’ uffiċjali, kif ukoll it-twinning agreement finanzjat mill-Unjoni Ewropea.  Huwa appella lil dawn l-uffiċjali biex jibqgħu viġilanti biex jissalvagwardjaw il-privatezza tal-individwi biex tissaħħaħ dejjem aktar il-governanza fis-Servizz Pubbliku.

Għal din l-okkażjoni ġie mistieden is-Sur Liam Duncan, uffiċjal mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni fir-Renju Unit.  Hu għamel referenza partikolari għas-settur pubbliku fl-Ingilterra u tkellem dwar l-isfidi li għandhom għall-quddiem.  Barra minn hekk, is-Sur Duncan semma ċerti kazijiet partikolari u f’dan il-kuntest spjega l-liġi u proċeduri fl-Ingilterra li bħal Malta għandha sistema fejn il-Kummissarju għad-Data u għall-Informazzjoni huwa l-istess persuna.

Tkellem ukoll is-Sur Joe Ebejer, Kummissarju għall-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data.  Huwa tkellem dwar il-proposti li għaddejjin bħalissa biex tinbidel id-Direttiva tal-Protezzjoni tad-Data fl-Unjoni Ewropea.  Huwa spjega fid-dettal kif dawn jistgħu jaffetwaw kemm l-entitajiet kif ukoll il-persuni.  Il-Kummissarju fakkar li fl-aħħar mill-aħħar l-għan aħħari għandu dejjem jibqa’ li jinħoloq bilanċ bejn id-drittijiet u dmirijiet tad-data subject u tal-entitajiet.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow