Left arrow Go Back

KIKKU JWASSAL LEĦEN IT-TFAL DWAR EKO-GĦAWDEX

pr0151
Date Icon 27/01/2011

Ħames mitt tifel u tifla li jattendu l-iskejjel primarji f’Għawdex ħadu sehem f’attività li permezz tagħha ġie introdott il-karattru Kikku. Kikku, li jippersonifika naħla, se jkun l-vuċi tat-tfal għal eko-Għawdex u se jservi bħala l-punt ta’ riferiment għat-tfal Għawdxin kollha biex iwassal l-vuċi tagħhom f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ Għawdex. 

Il-Ħamis filgħodu  fil-Ministeru għal Għawdex kien hemm attività mhux tas-soltu meta dawn il-ħames mitt student u studenta, akkumpanjati mill-għalliema tagħhom  iltaqgħu għall-ewwel darba ma’ Kikku. It-tfal, lebsin l-uniformijiet tal-iskejjel rispettivi tagħhom u jxejru bnadar kuluriti b’messaġġi relatati mal-viżjoni eko-Għawdex, nġabru madwar Kikku li mall-ewwel deher li ġibed is-simpatija tat-tfal kollha preżenti.  L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, l-Onor. Frederick Azzopardi, Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex flimkien  ma’ diversi sindki  ta’ lokalitajiet  f’Għawdex  ingħaqdu ma’ Kikku biex jilqgħu lit-tfal għal din l-okkażjoni.

Hawnhekk ingħata bidu għal programm qasir fejn Elvira Buttigieg li tattendi l-iskola primarja t’Għajnsielem qrat diskors għan-nom tal-istudenti kollha. Fil-messaġġ tagħha hija qalet li huma ġew ma’ Kikku għax ilkoll jixtiequ li Għawdex ikun aħjar. Fissret kif it-tfal Għawdxin iridu jibqgħu jgawdu s-sbuħija naturali tal-gżira riflessa fil-ħdura tal-kampanja u l-widien u l-ġmiel tal-baħar. It-tfal Għawdxin jaqblu mal-idea ta’ eko-Għawdex u jridu li f’Għawdex ikun hawn aktar indafa fit-toroq, fil-kampanja u fil-bajjiet u b’hekk Għawdex jibqa’ sabiħ għal kulħadd. ‘Nixtiequ li jkollna fejn niġru u nillgħabu ħalli nagħmlu eżerċizzju fiżiku u nkunu b’saħħitna’ qalet fost ħwejjeġ oħra Elvira lil dawk kollha preżenti. Id-diskors tagħha kien ibbażat fuq dak li ssuġerew it-tfal tal-iskejjel primarji Għawdxin waqt attivitajiet ta’ konsultazzjoni speċjali għat-tfal li kienu saru bħala parti mill-konsultazzjoni publika dwar il-viżjoni eko-Għawdex.

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-merħba li taw it-tfal Għawdxin lill-Kikku. Filwaqt li rreferiet għad-diskors tat-tfal, il-Ministru spjegat kif fix-xewqat li esprimew huma wrew biċ-ċar li jridu dak li hemm propost fil-viżjoni eko-Għawdex. Hija fissret kif bħal ma’ mexa ma’ uħud minnhom matul it-toroq tal-belt Victoria, Kikku se jkun qed jimxi mat-tfal Għawdxin biex ikompli jwassal il-messaġġi tagħhom fix-xhur u s-snin li ġejjin u b’hekk jgħin fil-ħidma ta’ dawk kollha nvoluti fit-twettieq ta’ din il-viżjoni.

Il-Ministru rreferiet għal inizjattivi oħra li twettqu b’risq l-istudenti żgħar Għawdxin fil-kuntest tal-ħidma dwar eko-Għawdex. Dawn kienu jinkludu fost l-oħrajn it-tnedija ta’ pakkett tar-riżorsi għall-għalliema, kalendarji b’messaġġi marbuta mal-ħarsien tas-saħħa u l-ambjent, u programm ta’ attivitajiet ta’ natura fiżika li saru u qed jerġgħu jsiru fl-iskejjel kollha ta’ Għawdex. Il-Ministru Giovanna Debono stiednet lit-tfal biex jingħaqdu ma’ Kikku u jkunu parteċipi attivament fil-kampanji li jippromwovu ħarsien tas-saħħa u ambjent, filwaqt li jagħrfu japprezzaw aktar il-wirt storiku u naturali tal-gżira. ‘B’hekk flimkien ma’ Kikku ser inkunu qed naħdmu biex il-viżjoni eko-Għawdex tirnexxi ħalli l-futur ta’ din il-gżira jkun aħjar’ temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono, filwaqt li  awgurat li dan l-avveniment jibqa’ miktub fil-memorji ta’ dawk kollha preżenti, għal ħafna snin.  

L-attivita ġiet fi tmiemha permezz tal-inawgurazzjoni ta’ wirja li ġiet imħejjija għal din l-okkażjoni fis-sala tal-Wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex. Waqt li inawgurat il-wirja l-Onor. Giovanna Debono spjegat kif din ġiet msejsa fuq kitbiet u tpinġijiet li saru mit-tfal tal-iskejjel primarji Għawdxin matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni publika dwar eko-Għawdex. Dawn ġew riprodotti b’mod kreattiv u kkulurit li ġie kumplimentat minn xenarju naturali tipiku li joffri dehra  mhux tas-soltu ġo din is-sala storika.

Minkejja li parti mill-programm li kellu jsir fl-apert kellu jiġi trasferit minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, dan ma naqqas xejn mill-atmosfera ferreħija li ġiet kreata mill-entużjażmu tat-tfal matul din l-attività.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow