APPLIKAZZJONI KOMUNI GĦALL-ORGANIZZAZZJONI TAL-KAPITALI EWROPEA TAL-KULTURA 2018
Il-Kunsilli Lokali kollha f’Malta u f’Għawdex se jingħaqdu biex flimkien jissottomettu applikazzjoni waħda għall-organizzazzjoni tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura li Malta se tospita fl-2018. L-applikazzjoni mistennija tiġi sottomessa f’Ottubru li ġej mill-Kunsill Lokali tal-Belt iżda din se tinkludi inizjattivi u attivitajiet li se jiġu organizzati mal-Kunsilli Lokali kollha f’Malta u Għawdex. B’hekk il-Kapitali Ewropea tal-Kultura f’Malta se tkun mifruxa mat-territorju Malti u mhux ikkonċentrata biss fiż-żona tal-Belt Valletta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mit-Turiżmu u l-Kultura Mario de Marco u mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said, intqal li permezz ta’ Charter li kien iffirmat mit-68 Kunsill Lokali fil-gżejjer Maltin, kien ipprovdut qafas li permezz tiegħu dawn se jkunu jistgħu jaħdmu flimkien. Iċ-Charter jipprovdi wkoll għall-ħolqien ta’ organizzazzjoni bħal fondazzjoni biex b’mod strutturat il-Kunsilli Lokali u entitajiet oħra jkunu jistgħu jaħdmu flimkien, biex din ikollha r-riżorsi umani neċessarji, u biex tkun tista’ tiġi formulata applikazzjoni ta’ kwalità u ta’ kalibru.
Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco tkellem dwar l-importanza li l-komunitajiet kollha f’pajjiżna jkunu involuti fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet għall-Belt Kapitali Ewropew. Dan l-għan jista’ jintlaħaq biss billi l-Kunsilli Lokali jkunu pro-attivi u billi jxerrdu l-informazzjoni fost il-komunitajiet tagħhom. Mario de Marco saħaq li “dan m’għandux ikun sforz ta’ belt iżda sforz ta’ nazzjon. Aktar minn hekk irridu naħdmu biex l-applikazzjoni ta’ Malta u l-attivitajiet kollha li se jsiru jkollhom dimensjoni Ewro-Mediterranja”.
Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco qal li l-ħsieb hu li l-attivitajiet ikunu mxerrdin ma’ Malta u Għawdex kollu. Dan ifisser li l-preparament u t-tħejjijiet iridu jsiru madwar il-pajjiż kollu. Bl-istess mod, hu importanti li l-ġid kulturali u ekonomiku li se jinħoloq permezz ta’ dawn l-attivitajiet, irid jiġi trasmess madwar il-gżejjer Maltin.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said fisser din l-opportunità bħala ‘unika’ għal Malta u radd ħajr lill-Kunsilli Lokali kollha li fehmu l-importanza li għal din l-okkażjoni jingħaqdu flimkien biex issir applikazzjoni waħda b’saħħitha u li fiha kulħadd ikun involut. ‘Dan hu eżempju tajjeb tal-maturità tal-Kunsilli Lokali tagħna’ qal Chris Said, filwaqt li ħeġġeġ lil kulħadd jagħmel sforz ġenwin b’tali mod li jintlaħaq l-għan li Malta ssir vetrina għall-bqija tal-Ewropa.
Hu tkellem dwar l-importanza li l-pajjiż kollu jgawdi minn din l-okkażjoni, kif seħħ meta Essen fil-Ġermanja, matul l-2010, kienet il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura flimkien ma’ 52 belt oħra fil-madwar.
Chris Said spjega li minn issa sal-2018 jeħtieġ li titwettaq ħidma kbira biex Malta tospita t-titlu prestiġġjuż ta’ Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura bl-aqwa mod. F’dan il-kuntest il-Gvern, kif diġà qed jagħmel, se jkompli jipprovdi finanzjament adekwat lil-lokalitajiet kollha permezz ta’ skemi apposta u li huma intiżi biex fost l-oħrajn ikunu riġenerati ċ-ċentri urbani, biex iz-zoni rurali jinżammu aħjar, biex ikunu restawrati postijiet storiċi, u biex jiġu organizzati attivitajiet kulturali ta’ livell. Chris Said qal ukoll li l-MEUSAC se jkompli jipprovdi għajnuna biex aktar Kunsilli Lokali jgawdu mill-fondi Ewropej.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003