Left arrow Go Back

SEBA’ DARBIET AKTAR ADULTI QED JATTENDU GĦALL-KORSIJIET TA’ TAGĦLIM TUL IL-ĦAJJA FIL-KUNSILLI LOKALI

pr0137
Date Icon 26/01/2011

Bejn l-2009 u l-2010, kienet reġistrata żieda ta’ 708 fil-mija fost l-adulti li jsegwu wieħed mill-korsijiet permezz tal-Iskema ta’ Għajnuna Finanzjarja għall-Korsijiet Tagħlim Tul il-Ħajja magħrufa wkoll bħala evening classes. Il-parteċipanti żdiedu għal 1,111. Il-Kunsilli Lokali li qed joffru dawn il-korsijiet ukoll żdiedu – minn 11 għal 28. Tlieta minn dawn il-Kunsilli Lokali jinsabu f’Għawdex.

Il-korsijiet li qed jiġu organizzati jwasslu għal ċertifikati ekwivalenti għall-ewwel livell tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (European Qualifications Framework – EQF) u l-Qafas Malti tal-Kwalifiki (Malta Qualifications Framework – MQF).

Din is-sena qed jiġu organizzati total ta’ 104 korsijiet li għalihom qed jattendu 1,111-il adult. Dawn jinkludu 413-il ruħ li għandhom anqas minn 35 sena.

Il-korsijiet qed jitmexxew minn 95 edukatur u tliet evening class co-ordinators. Xogħolhom hu li jipprovdu 96 siegħa ta’ tagħlim għal 32 ġimgħa bejn Ottubru u Mejju, u jassiguraw livelli għolja ta’ kwalità fit-tagħlim.

Waqt żjara li għamel fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fejn qed jiġu offruti numru minn dawn il-korsijiet, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, Chris Said, qal li s-suċċess tal-iskema u tal-korsijiet Tagħlim Tul il-Ħajja huwa riżultat tas-sinerġija u l-kollaborazzjoni li teżisti bejn id-Dipartiment tal-Gvern Lokali u d-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja fil-Ministeru tal-Edukazzjoni.

L-għan tal-korsijiet hu li jkun miġġieled l-illitteriżmu fost l-adulti, jiġu introdotti korsijiet ġodda li jirriflettu l-ħtiġijiet u l-isfidi ekonomiċi ta’ soċjetà moderna parti minn dinja globalizzata u li dawn l-adulti jkunu inkoraġġiti jiskbu kwalifiċi anki tard matul ħajjithom. Statistiċi juru li seba’ fil-mija biss tal-adulti Maltin ikomplu jistudjaw.  Il-mira Ewropea hi li sal-2020, 15 fil-mija tal-adulti jipparteċipaw f’tagħlim tul il-ħajja.

Il-korsijiet fit-tagħlim bażiku tal-Malti u l-Ingliż u l-Matematika qed ikunu issussidjati 100 fil-mija mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja. Il-korsijiet l-oħra kollha fosthom il-lingwi bħal Malti għal Barranin, it-Taljan, Spanjol, Ġermaniż, Franċiż u taħriġ ieħor fl-apprezzament tal-Arti u l-Kultura u s-Saħħa fost oħrajn huma ssussidjati parzjalment mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li permezz ta’ dan il-proġett, il-Kunsilli Lokali qed jitgħallmu jagħmlu marketing u jagħmlu kampanji ta’ outreach biex jinkoraġixxu aktar adulti jipparteċipaw f’dawn il-korsijiet.

Barra minn hekk il-Kunsilli Lokali qed jikkollaboraw mal-iskejjel fil-komunitajiet tagħhom hekk kif għal uħud mill-korsijiet qed jintużaw il-binjiet tal-iskejjel. Fil-fatt il-proġett qed jgħin ukoll biex tintlaħaq il-mira li l-iskejjel isiru ċentri ta’ tagħlim fil-komunità kif stabbilit mill-Kurrikulu Minimu Nazzjonali.

Preżenti waqt din iż-żjara kien hemm id-Direttur tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali, Carmelo Abela, id-Direttur tad-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Mario Azzopardi, il-Viċi tas-Sindku tas-Siġġiewi, Karol Aquilina u kunsilliera sħabu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow