STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT
Il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment jesprimi d-diżappunt tiegħu għad-diskors partiġġjan u nġust dwar l-AirMalta li sar mill-kelliema għat-turiżmu ta’ l-Oppożizzjoni, Marie Louise Coleiro. Dak it-tip ta’ diskors aggressiv mhu fl-interess ta’ ħadd f’dan il-mument sensittiv għal din il-kumpanija.
Il-Gvern qiegħed jimxi b’mod mill-aktar miftuħ dwar l-AirMalta permezz ta’ Restructuring Committee li fih hemm involuti l-istakeholders kollha u l-Oppożizzjoni.
Il-Gvern qabbad esperti indipendenti biex jagħmlu evalwazzjoni estensiva tal-azjenda u dawn qed jħejju l-proposti għar-ristruturar. Fir-Restructuring Committee il-Gvern jagħti rendikont dettaljat tax-xogħol li qed isir, u x'jeħtieġ isir biex pajjiżna jkollu linja nazzjonali tal-ajru li tikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-ġid ekonomiku, kummerċjali u turistiku ta’ pajjiżna.
Minkejja li l-Oppożizzjoni taf sew b’dak li qed isir, bl-aktar mod żbaljat tassumi li jista’ jitfassal pjan mil-lum għal għada mingħajr ma jsir ix-xogħol estensiv ta' analiżi u riċerka. Dan ix-xogħol ma jsirx b’laqgħat biss imma b'analiżi dettaljata tal-operazzjoni, l-istrateġiji, il-finanzjament u l-aspetti kollha relatati, biex il-pjan propost mill-esperti jkun studjat, fattwali u realistiku biex dak li jkun propost jilħaq l-għanijiet aħħarija. Din il-ħidma baqgħet għaddejja inkluż matul il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena għalhekk dak li qalet Marie Louise Coleiro hu kompletament żbaljat.
Quddiem is-sensittività tal-proċess, il-Gvern kien jistenna aktar prudenza mill-Oppożizzjoni, li hi membru tar-Restructuring Committee. Madanakollu, id-diskors tad-Deputat Laburista Marie Louise Coleiro jkompli mal-konfuzjoni interna li kien hemm fil-Partit Laburista dwar min kellu jkun il-membru u min kellu jkun is-sostitut f’dan il-kumitat.
Bl-attakk li qed tagħmel il-kelliem tal-Oppożizzjoni għat-turizmu Marie Louise Coleiro, fuq l-ħidma tal-kumitat juri biċ-ċar li l-Oppożizzjoni mhux kapaċi tpoġġi l-interessi nazzjonali qabel dawk partiġġjani.
Il-Gvern jistieden lill-Oppożizzjoni tagħraf tagħmel differenza bejn l-interessi dojoq partiġġjani u l-interess nazzjonali. Dalgħodu l-Oppożizzjoni għazlet li terġa’ tpoġġi l-interessi partiġġjani qabel dawk nazzjonali.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003