STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GHAT-TURIŻMU, L-AMBJENT U L-KULTURA
Il-proċess ta’ riforma fil-MEPA huwa proċess kontinwu li minkejja l-atttakki tal-Oppożizzjoni qed jagħti l-frott. Huwa proċess li kulħadd jaqbel li kien hemm bżonnu u li bl-involviment u l-impenn tal-impjegati tal-Awtorita’ u l-istakeholders kollha għandu jwassal sabiex finalment l-Awtorita’ issir aktar effiċjenti, konsistenti, trasparenti u taqdi ferm aħjar il-rwol importanti tagħha.
Huwa faċli li wieħed jissotolinja każ jew tnejn partikolari u jinjora kompletament l-għexieren ta’ applikazzjonijiet li jiġu proċessatti kuljum b’mod professjonali mill-impjegati tal-Awtorita’ u deċiżi b’effiċjenza mill-Kummissjonijiet għall-Ambjent u l-Iżvilupp.
Huwa faċili li wieħed jinjora r-rivoluzzjoni li għadha kemm daħlet fis-seħħ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-iżvilupp bl-introduzzjoni tal-proċess ta’ pre-screening li qata’, darba għal dejjem, l-inċertezza ta’ x’wieħed għandu jissottometti biex l-applikazzjoni tiegħu tiġi proċessata fil-perjodu stabbilit. Perjodu li issa huwa magħruf bil-quddiem u li joffri lill-applikant ċertezza ta’ meta ser ikollu deċiżjoni.
Huwa faċli li wieħed jinjora ix-xogħol siewi u kontinwu li l-Awtorita’ tagħmel favur l-Ambjent, kemm mid-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Ambjent kif ukoll mis-sezzjoni tal-infurzar minkejja l-fatt li l-proċess sabiex jissaħħu dawn iż-żewġ entitajiet fi ħdan l-Awtorita’ għadu għaddej.
Il-Gvern huwa kommess li jkompli bil-proċess ta’ riforma tal-MEPA, proċess miftuħ ukoll għall-kritika kostruttiva li tippermetti li jiġu irfinati proċeduri bl-iskop li tiżdied aktar l-effiċjenza u t-trasparenza. Madankollu, il-Gvern huwa wkoll konxju mir-rwol delikat li l-Awtorita’ taqdi. Rwol li minnhu nnifsu jfisser u jirrikjedi li l-Awtorita’ tieħu deċiżjonijiet xi kultant diffiċli li, minn natura tagħhom, ser jattiraw il-kritika ta’ sezzjoni jew oħra tas-soċjeta’.
Huwa b’dan il-ħsieb li l-Gvern qiegħed u ser jibqa’ għaddej b’konsultazzjoni wiesgħa qabel kull pass li tirrikjedi din ir-riforma. Konsultazzjoni li twassal għal deċiżjonijiet għaqlin. Minn naħa l-oħra, kritika li hija ntiża biss biex tpoġġi ir-riforma tal-Awtorita’ fl-arena tal-politika partiġġjana ma sservi għalxejn ħlief biex tagħmel bsaten fir-roti u ttellef il-fiduċja tal-poplu – Fiduċja li hija l-bażi fundamentali ta’ din ir-Riforma.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003