Left arrow Go Back

DISKORS TAL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, FL-OKKAŻJONI TAL-PREMJU NAZZJONALI TAL-KTIEB – BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – IL-ĦAMIS, 20 TA’ JANNAR 2011

pr0110
Date Icon 20/01/2011

Hu ta’ pjaċir għalija li sena wara sena nieħu sehem f’din iċ-ċerimonja li tagħti ġieħ lill-ktieb Malti.  Kull sena, permezz tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb inġeddu l-impenn tagħna favur kotba isbaħ u aqwa. 

Dan il-Premju, flimkien mal-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb, hi attività li nipprova ma nitlifx għax inħoss li bħala Ministru għandi nibgħat sinjali ċari li nappoġġja u ninkoraġixxi din l-enerġija pożittiva kollha li għandu pajjiżna fil-qasam tant sabiħ tal-pubblikazzjonijiet.  Inħoss li f’dan il-qasam resqin lejn l-eċċellenza.   U l-kotba dak li finalment jistħoqqilhom.  Għax huma proċess kreattiv mill-aqwa li l-bniedem tant jeħtieġ.   

Il-kotba jtejbu l-istil tal-ħajja tagħna. Il-kotba jferrħuna.  Jagħtuna gost.  Idawwlu l-ħajja u l-mixja tagħna.  Ikabbruna fl-għerf u fuq kollox fl-emozzjonijiet.  Il-kotba jkabbru l-orizzonti tagħna.  Jisfidawna biex inwessgħu l-konfini tagħna. 

Il-kotba jagħtuna l-ossiġnu u jistimulaw ħajjitna.  Bis-saħħa tal-karta stampata, nidħlu f’dinjiet differenti.  Dinjiet ta’ fantasija u kreattività.

Il-ktieb hu ċavetta għall-provokazzjoni.  Opportunità eċċellenti li tistimulana.  Il-kotba huma atturi ħajja fiċ-ċiviltà tagħna.  Il-paġni li naqraw, fl-aħħar mill-aħħar, jilbsu l-ġrajjiet tagħna u jitwaħħdu ħaġa waħda magħna.

L-impenn tal-Gvern favur il-ktieb u bi preferenza favur kotba Maltin jixhdu l-fatt li għat-tieni sena konsekuttivi erġajna vvutajna s-somma ta’ €100,000 għal xiri ta’ kotba għal-libreriji tagħna.

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jixhed id-diversita ta’ kotba li pajjiżna hu kapaċi jipproduċi b’tant dedikazzjoni u ħidma.  Il-Premju jirrifletti suq żgħir imma fuq kollox suq interessanti u vibranti li anki l-barranin jistgħaġbu kif nazzjon ta’ ftit kilometri kwadrati bħal dan għamel progress daqstant kbir f’diversi oqsma jista’ jkollu wkoll din il-varjetà u l-kwalità ta’ kotba.  Il-Premju jiċċelebra l-kreattività.  Jiċċelebra l-awtur daqs kemm jiċċelebra l-pubblikatur.  Huma żewġ realtaijiet importanti biex manuskritt jieħu l-ħajja u ma jibqax merfugħ pulit fil-kexxun jiġbor it-trab.  Bejniethom hemm nies oħra li bis-sengħa tagħhom iwelldu l-prodott. U anki hawn pajjiżna ra progress fl-industrija tal-istampar.  L-istampatur Malti fehem li xogħlu hu importanti u ma jistax jaqa’ lura f’dik li hi teknika. 

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jirrifletti għalhekk il-qalb tajba ta’ min jagħżel li jerfa’ lill-kumplament tas-soċjetà mill-apatija kronika.  Il-kittieba finalment ma jistgħux ikunu ċassi.  Ma jistgħux jitħabbu mal-kompromess.  Il-kittieba għandhom ikunu l-leħen ta’ pajjiż. Il-pubblikaturi jwettqu l-ħolm tal-kittieba.  

Il-Premju jixhed l-investiment tagħkom il-pubblikaturi.  Investiment mhux ta’ kulħadd l-istess; skont kemm jifilħu l-mezzi tal-individwu.  Imma llum anki min hu żgħir qed jimpenja ruħu biex jitla’ dik it-tarġa ‘l fuq biex jagħti prodott aqwa u aħjar. 

Dan hu investiment li mhux dejjem jirnexxi u li xi drabi, għal raġunijiet indipendenti mill-volontà tal-pubblikatur jaf imur ħażin.  Forsi hu investiment itqal ukoll minn investimenti oħra. Iżda bħal kull investiment ieħor dan huwa sfida.  Huwa sfida biex toħloq prodott aħjar.  Biex ma tistaġnax.  Biex twieġeb għall-messaġġi li s-suq ikun qed jagħtik. 

Jekk toqgħod tirrifletti, ssib li din l-industrija tfisser kompetizzjoni pożittiva mhux biss ma’ sħabek imma anki miegħek innifsek biex issib u toħloq xi ħaġa differenti li tkun it-timbru tiegħek bħala pubblikatur.

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ifisser dedikazzjoni ta’ tant nies u għalhekk isir sena fuq oħra.  Biex il-pajjiż jagħraf dan l-element.  Għax il-pubblikazzjoni hija kisba għal kulħadd.  Hija l-ewwelnett kisba għall-awtur, kisba għall-pubblikatur u fuq kollox għal-qarrej.

Dan il-Premju irid ipoġġi sfida favur l-eċċellenza u kontra l-medjokrità. Relattivament, li tippubblika l-lum saret ħaġa faċli u għalhekk l-isfida hija dejjem ikbar biex kull ktieb ikun splużjoni ta’ kreattività; mhux biss fil-kitba imma anki fil-produzzjoni għax ix-xerrej ħaqqu l-aqwa verament.

Il-futur ipoġġi mistoqsijiet importanti u anki dubji.  X’se jiġri mill-ktieb?  Il-ktieb se jibqa’ kif nafuh illum?  It-teknoloġija se tiekol il-ktieb tradizzjonali?  Il-ktieb elettroniku se jkaxkar lil kulħadd miegħu?  X’se jiġri mill-istamperiji? It-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, il-ġenerazzjoni tal-Facebook, se tibqa’ tħobb il-ktieb jew għaliha l-ktieb sar għadu, jew agħar minn hekk, irrelevanti?

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jkun qed jippubblika r-riżultat ta’ survey interessanti dwar il-mudelli ta’ qari tal-poplu li bla dubju se jgħin lilna wkoll u lilkom biex infasslu politika favur il-qari li fl-aħħar mill-aħħar tmiss l-istrati kollha tas-soċjetà. 

Għax hemm biss nistgħu ngħidu li rnexxejna.  Jekk il-ktieb jinfirex qalb il-poplu kollu. U din mhix missjoni tiegħi.  Jew tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biss.  Imma nistgħu nagħmluha missjoni tagħna lkoll.  Tagħna li għadna nemmnu fil-ktieb.  Ilkoll kemm aħna nistgħu niktbu kapitlu importanti  f’din l-esperjenza.  Finalment flimkien inkunu qed niżirgħu żerriegħa tajba biex għada pitgħada jkollna nazzjon iktar kreattiv.          

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow