DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TAL-GĦOTI TAL-PREMJU NAZZJONALI TAL-KTIEB – BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – IL-ĦAMIS, 20 TA’ JANNAR 2011
Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li niltaqa’ magħkom f’din is-serata li fiha jingħata għarfien mistħoqq lil min b’xi mod ta’ sehmu fil-kitba u l-produzzjoni tal-ktieb Malti.
Kull min hu midħla tal-istorja tal-istampa f’pajjiżna jaf kemm sar progress f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar snin. Sa ftit żmien ilu konna nissorprendu ruħna meta naraw ktieb Malti stampat sabiħ. Illum din il-ħaġa noħduha bħala ħaġa normali. M’għadhiex tissorprendina. Anzi sirna nistennewha. Din il-bidla saret bil-ħila tal-pubblikaturi tagħna, li mhux biss għarfu l-importanza li l-ktieb jidher attraenti, imma wkoll investew il-flus, il-ħin u l-enerġija biex itejbu l-kwalità tal-prodott.
B’riżultat ta’ dan l-impenn, u bl-użu ta’ teknoloġija mill-aktar avvanzata, il-ktieb Malti llum, issa anki bħala prodott, hu fuq l-istess livell mal-kotba li nimpurtaw. Mertu kbir ta’ dan huwa wkoll tad-disinjaturi u l-artisti li jaħdmu f’dan il-qasam, u li saru parti integrali mill-proċess tal-produzzjoni tal-ktieb, tant li l-ebda dar editriċi llum ma jgħaddilha minn moħħha li taħdem mingħajrhom.
It-twaqqif tal-MCAST, partikularment l-Istitut għall-Arti u Disinn, qiegħed jgħin biex jagħti lill-pajjiż u lilkom, żgħażagħ ta’ ħila fid-disinn tal-ktieb.
Il-ktieb mhuwiex ix-xogħol ta’ bniedem waħdu, imma r-riżultat ta’ ħidma twila ta’ kollaborazzjoni bejn l-awtur, il-pubblikatur, id-disinjatur, id-distributur u l-bejjiegħ. U hija sewwasew din il-kollaborazzjoni li tat ir-riżultati, li f’serati bħal tal-lejla narawhom b’għajnejna u niltaqgħu biex nippremjawhom.
L-għadd ta’ kotba li joħorġu kull sena f’pajjiż żgħir bħal tagħna – pajjiż ta’ ftit ’il fuq minn erba’ mitt elf ruħ – huwa tassew impressjonanti. Imma m’hijiex biss il-kwantità li tolqtok. Tolqtok ukoll il-firxa wiesgħa ta’ suġġetti trattati, il-kategoriji diversi li taħthom jiġu kklassifikati dawn ix-xogħlijiet, hekk li jolqtu l-oqsma kollha tal-ħsieb u tal-attività umana. Għalhekk jagħmel tajjeb il-Kunsill tal-Ktieb li jirrikonoxxi din il-varjetà billi jippremja mhux biss dik li tradizzjonalment konna nsejħulha l-kitba kreattiva, jew il-produzzjoni letterarja – bħar-rumanzi, id-drammi, il-poeżiji u n-novelli – imma wkoll il-kotba ta’ riċerka, il-bijografiji, u t-tifkiriet ta’ dawk li taw sehem importanti fl-iżvilupp tal-istorja politika, soċjali u kulturali ta’ pajjiżna.
Huwa ta’ sodisfazzjon li nara li matul dawn l-aħħar xhur ħarġu kotba tal-ogħla livell f’dawn l-oqsma. Għax it-tisħiħ tal-identità tagħna, dak li jżommna magħqudin bħala poplu, jiddependi wkoll minn kemm jirnexxielna nikkonservaw u nġeddu l-esperjenzi tal-imgħoddi permezz tal-kitba. Hija l-kelma stampata, huma l-kotba, li jirrakkuntaw minn xiex għaddejna, li jfakkruna x’għamilna lbieraħ biex wasalna fejn qegħdin illum, u li jindikawlna t-triq li għandna nieħdu – u l-perikli li għandna nevitaw – biex inkomplu niżviluppaw bħala soċjetà b’saħħitha u biex nużaw l-immaġinazzjoni tagħna biex naħtfu l-isfidi li għandna quddiemna u nsarrfuhom f’opportunitajiet.
Użajt apposta l-kelma ‘immaġinazzjoni’. Għax il-kotba jgħinuna niżviluppaw din il-fakultà. Din il-ħila li teżisti f’kull wieħed u waħda minna, biex qatt ma nkunu kuntenti b’dak li ksibna, imma dejjem nesploraw possibbiltajiet ġodda; biex ma nintrabtux ma’ mudelli li għamlu żmienhom, imma nkunu lesti li nfittxu toroq ġodda li jwassluna fejn nixtiequ naslu.
Il-kotba huma l-mezz kif ngħaddu dak li nafu lil dawk li jiġu warajna. Bħalma għandna nkunu grati u rikonoxxenti lejn dawk li ġew qabilna għall-għerf li ħallewlna, hekk ukoll għandna d-dmir li dak li tgħallimna ngħadduh lil uliedna biex ikunu jistgħu jużawh u jibnu fuqu.
Il-kotba m’humiex lussu. Jiena napprezza l-isforzi kollha li jsiru mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex ixerred l-imħabba lejn il-qari fost is-setturi kollha tal-poplu tagħna, l-aktar it-tfal. L-ebda awtur Malti ma sar sinjur mill-kotba u għalhekk irridu napprezzaw aktar id-dedikazzjoni u l-imħabba li l-awturi għandhom biex it-talenti u l-ħiliet tagħhom jgħadduhom lil ħaddieħor permezz tal-kotba.
Il-Gvern qiegħed jinvesti aktar fil-libreriji tagħna. Is-sena li għaddiet 7,000 riċerkatur għamlu użu mill-Biblijoteka Nazzjonali – 12% aktar mis-sena ta’ qabel. Il-Biblijoteka Nazzjonali hija wkoll wieħed mit-teżori kulturali ta’ Malta, kemm bħala monument arkitettoniku storiku fejn il-Gvern għamel proġett qawwi ta’ restawr, kif ukoll fil-funzjoni li tħares arkivji u kollezzjonijiet uniċi, manuskritti, dokumenti u kotba miġbura fuq medda ta’ mijiet ta’ snin. Minħabba dan l-aspett tal-Biblijoteka, inħass il-bżonn li s-sena li għaddiet titwaqqaf it-Taqsima għall-Kuratela, li l-iskopijiet prinċipali tagħha huma li tindirizza aspetti ta’ kurazija, fosthom ir-restawr, il-konservazzjoni, kif ukoll il-preżentazzjoni, kemm tal-bini innifsu, kif ukoll tal-arkivji u l-kollezzjonijiet storiċi ta’ ġo fih.
Fil-libreriji pubbliċi li llum jgħoddu għal waħda ċentrali, 7 reġjonali u 38 fergħa, mhux biss il-Gvern xtara aktar minn 10,000 ktieb ġdid matul is-sena li għaddiet imma żdiedu wkoll il-kotba mislufa – 600,000 ktieb misluf. Qed ninvestu wkoll f’faċilitajiet għall-persuni b’diżabilità biex anki min hu nieqes mid-dawl igawdi mir-rikkezza tal-qari. Għal tfal u persuni li għandhom id-dyslexia hemm software apposta li jgħinhom minħabba l-kundizzjoni tagħhom.
Filwaqt li l-Gvern qiegħed jinvesti aktar fit-teknoloġija tal-informatika tant li aħna l-Maltin konna l-ewwel pajjiż fl-Ewropa fejn it-tfal tal-kindergarten jużaw il-kompjuter, qed ninvestu aktar fil-libreriji tagħna. Ix-xahar li għadda inawgurajt l-iskola ġdida sekondarja tas-subien fir-Rabat, Għawdex, is-sena ta’ qabel inawgurajt l-iskola primarja ta’ Pembroke. Bħalma investejna biex f’dawn l-iskejjel ikun hemm l-aħjar faċilitajiet ta’ laboratorji, art rooms, workshops u computers investejna wkoll biex l-istudenti jkollhom libreriji mill-aqwa.
M’hijiex biss l-istatistika li tgħidilna kemm żdiedet fostna ċ-ċirkulazzjoni tal-kotba għat-tfal. Din il-ħaġa għandha timlina bil-kuraġġ. Għax jekk it-tfal minn ċkunithom jibdew iħobbu l-kotba, jibqgħu jħobbuhom għomorhom kollu. Bħal kull drawwa oħra li tibda mit-tfulija, in-namra tal-qari tikber u tissaħħaħ maż-żmien. Il-kotba jgħinu lit-tfal jiżviluppaw l-immaġinazzjoni tagħhom u jsiru kreattivi – żewġ kwalitajiet li jgħinuhom jikbru u jimmaturaw b’mod sħiħ. Minn hemm irridu nibdew, fuq hekk irridu nisħqu, jekk irridu li jkollna ġenerazzjoni ta’ adulti li japprezzaw dak li hu tajjeb u sabiħ fil-wirt kulturali tagħna, waqt li jużaw l-immaġinazzjoni tagħhom biex jiżviluppaw dak il-wirt b’mod kreattiv. Dawn huma s-sisien li fuqhom tinbena wkoll l-edukazzjoni tat-tfal tagħna. Mingħajr dubju intom ilkoll qed tikkontribwixxu għall-ġid ta’ wliedna u ta’ pajjiżna. Nirringrazzjakom tax-xogħol kollu li tagħmlu b’riżq l-iżvilupp kulturali u soċjali tal-poplu Malti kollu.
Din is-sena hi s-Sena Internazzjonali tal-Volontarjat. F’pajjiżna għandna diversi pubblikazzjonijiet li joħorġu biss għaliex hemm mijiet ta’ voluntiera li jidħlu għall-pubblikazzjoni ta’ rivisti, gazzetti u kotba, mingħajr interessi ta’ xejn. Eżempji ta’ dawn hemm diversi pubblikazzjonijiet fl-iskejjel, fil-knejjes, fost l-għaqdiet soċjali, għaqdiet lokali bħal baned u każini tal-football, għaqdiet ambjentali u kulturali. Wara kull pubblikazzjoni li ssir ikun hemm investiti sigħat twal ta’ voluntiera. Insellem lil dawn kollha.
Nirringrazzja wkoll lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għall-ħidma li qed iwettaq biex il-ktieb jingħata l-importanza li tistħoqqlu.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003