L-ONOR. CLYDE PULI, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U SPORT, JATTENDI LAQGĦA TAL-MINISTRI TAX-XOGĦOL F’BUDAPSET FL-UNGERIJA
“Il-ħolqien tax-xogħol jibqa’ priorità għall-Gvernijiet tal-Unjoni Ewropea” - l-Onor. Clyde Puli
Il-Gvern Malti qiegħed ipoġġi l-ħolqien tax-xogħol bħala l-priorità assoluta tiegħu u s-suċċess ta’ din il-politika qed tixhdu statistika maħruġa mill-Eurostat li turi li pajjiżna għandu waħda mill-anqas rati ta’ qgħad meta kkumparat mas-27 pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea. Fl-istess waqt il-Gvern jibqa’ sensittiv u mħasseb għal dawk li għadhom ifittxu impjieg.
Dan sostnieh is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli waqt li kien qed jindirizza laqgħa tal-Ministri tax-Xogħol (EPSCO) f’Budapset fl-Ungerija.
Is-Segretarju Parlamentari stqarr li l-istrateġija tal-Gvern hija li jattira l-investiment u jiġġenera tkabbir ekonomiku li joħloq ix-xogħol filwaqt li jassigura li l-ħaddiem ikun imħarreġ bil-ħiliet neċessarji li jirrikjedu l-opportunitajiet ġodda li qed jinħolqu.
Fil-każ taż-żgħażagħ is-Segretarju Parlamentari qal li l-istrateġija tal-Gvern f’dan il-qasam mhix biss li jinħolqu postijiet ġodda tax-xogħol iżda wkoll li jassigura tranżizzjoni faċli bejn l-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol; jiffoka fuq dawk iż-żgħażagħ li jitilqu mill-iskola ta’ età żgħira; jħares lejn żgħażagħ żvantaġġati; jħares lejn żgħażagħ li m’għandhomx il-ħiliet neċessarji; u jħares lejn gradwati żgħażagħ bla esperjenza fid-dinja tax-xogħol.
Din l-istrateġija timxi id f’id wkoll mal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ ppubblikata fl-2010; u mar-Riforma fl-Edukazzjoni li qed tesplora metodi differenti ta’ tagħlim fejn qed issir enfasi fuq tagħlim interattiv u tagħlim vokazzjonali aktar milli metodi ta’ tagħlim riġidi. Fl-istess waqt qed jinżera’ kunċett ta’ kreattività fit-tfal tagħna li hu tant importanti f’dinja tax-xogħol fejn l-innovazzjoni hija essenzjali.
L-Onor Puli qal li għaż-żgħażagħ il-Gvern ħareġ b’diversi inizjattivi innovattivi fosthom programm ta’ apprentistat; programm ta’ traineeship; il-work trial scheme u l-Employment Aid Programme. Il-Gvern ħareġ ukoll programm ieħor għaż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena li ma komplewx bl-istudji tagħhom u qed joffrilhom taħriġ li jissarraf fi kwalifika rikonoxxuta.
Hu żied li minkejja li l-Gvern Malti ma ħax miżuri ta’ awsterità bħal pajjiżi oħra, l-effett ta’ dawn il-miżuri minn pajjiżi oħra qed jinħass fuq l-ekonomija nazzjonali tal-pajjiż. Hu semma l-iskema li kienet introdotta fil-baġit 2011 fejn persuni li qed jaħdmu bil-paga minima qed jingħataw iċ-ċans għal taħriġ u skema fejn dawk li ilhom fuq ir-reġistru tal-qgħad jingħataw l-opportunità li jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol billi jagħmlu xogħol fil-komunità.
L-Onor. Puli kkonkluda li l-politika ta’ inklużjoni fosthom tagħlim ta’ ħiliet ġodda; miżuri favur il-familja; u tagħlim tul il-ħajja qed iwasslu biex jinħolqu aktar xogħlijiet ta’ kwalità u aktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003