DISKORS TAL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’, FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ TAL-WARD TAL-KURA PALJATTIVA – SPTAR BOFFA – 18 TA’ JANNAR 2011
Inħossni kburi li llum qed niftaħ din il-ward tal-Kura Paljattiva fi ħdan l-Isptar Boffa. Dan wara li sar xogħol estensiv ta’ tisbieħ mill-FMS sabiex il-pazjenti tagħna jkollhom l-aqwa kura f’ambjent dinjituż.
Il-Kura Paljattiva (Palliative care) hija essenzjali fil-proċess tal-kura ta’ tip ta’ mard bħall-Kanċer u mard ieħor. Din hija kura li tista’ tingħata lill-pazjenti ta’ kull eta’ (tfal, nisa, irġiel, żgħażagħ u anzjani), għaliex il-kura paljattiva tindirizza il bżonnijiet tal-pazjenti li jkunu qed ibagħtu minn mard terminali. L-għan ewlieni ta’ din it-tip ta’ kura huwa li l-pazjenti jiġu megħjuna jiffaċċjaw il-mard tagħhom bl-iktar mod effettiv biex is-sofferenza tagħhom u ta’ qrabathom titnaqqas kemm jista jkun.
Għaldaqstant, l-Kura Paljattiva torbot ħafna ma’ aspetti differenti tal-kura u tas-saħħa – fosthom l-aspett psikoloġiku tal-kura kif ukoll l-aspett spiritwali tas-saħħa.
Is-sapport li toffri l-Kura Paljattiva tgħin biex il-pazjenti jibqgħu fiżikament u mentalment attivi kemm jista’ jkun. L-istess sapport jingħata wkoll lill-għeżież u familjari tal-pazjenti sabiex huma wkoll jissaħħu fil-mumenti diffiċli li jridu jiffaċjaw fit-triq tal-mard tagħhom. Dan kollu jista’ jsir biss permezz ta’ tim multi-dixxiplinarju, jew aħjar inter-dixxiplinarju, u id f’id mal-kura medika mogħtija mit-tobba li tingħaqad ma’ dik tal-psikoloġija, spiritwali , radjoterapija u kimpoterapija.
Għalkemm sal-lum ma’ kienx hawn “ward” tal-Kura Paljattiva fi ħdan dan l-Isptar, is-servizz kien qed jingħata minn tim ta’ professjonisti li jinkludu Social Workers, Occupational Therapists, Psikologi, Physiotherapists u konsulenti, taħt it-tmexxija ta’ Dr Pace. Il-ħajr tiegħi lejn dan it-tim ħabrieki huwa kbir. Il-ħidma ta’ dawn in-nies hija imprezzabli. Ma’ dawn il-professjonisti nsemmi wkoll il-Malta Hospice Movement li jagħmlu hafna xogħol f’dan il-qasam, id f’id mas-servizzi tas-saħħa publiċi.
Nixtieq insellem u nirringrazzja wkoll lill-Malta Cancer Foundation li għal din il-Ward qed jagħtuna donazzjoni ta’ madwar 30,000 ewro f’sodod u equipment fosthom sett tat-televiżjoni għal-kull pazjent. Nirringrazzja wkoll lill-kumpanija GO li qed toffri l-għajnuna tagħha fis-servizz tat-televiżjoni.
Ippermettuli nirringrazja wkoll lill-management ta’ dan l-isptar. Taħt it-tmexxija tagħhom qed naraw kambjamenti kbar li qed iħallu l-frott mixtieq. Ħajr lill-ħaddiema kollha ta’ l-Isptar Boffa. Kulħadd jagħti sehmu, u aħna napprezzaw il-kontribut siewi ta’ kulħadd. Min qalbi nirrigrazzjakom ilkoll.
Nifhem li mhux faċli taħdem ġo sptar bħal dan li wasal biex jitrasferixxi s-servizzi tiegħu għal-Ċentru ġdid tal-Onkoloġija. Nirringrazzjakom tal-paċenzja u wisq iżjed tal-ko-operazzjoni tagħkom issa waqt li għaddejjin it-tħejjijiet biex jiġi miftuħ iċ-Ċentru tal-Onkoloġija u fil-futur qarib meta niġu biex nittrasferrixxu is-servizzi kollha tal-onkoloġija bil-mod il-mod lejn l-Isptar Mater Dei.
Dak li qed ninawguraw illum huwa ċelebrazzjoni tad-dinjita’ umana li jistħoqilha l-attenzjoni tagħna u l-miljorament kontinwu tagħna. B‘sodissfazzjon qed nagħmlu dan il-pass bħala ħlas dovut lejn il-pazjenti tagħna sabiex il-kwalita’ tal-kura u tal-ħajja tagħhom tkun l-aqwa li nistgħu noffru.
GRAZZI
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003