Left arrow Go Back

STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU, DR. LAWRENCE GONZI DWAR IL-KUNSILL EWROPEW TAS-16 U 17 TA’ DIĊEMBRU 2010

pr0086
Date Icon 17/01/2011

Mr. Speaker,

Illejla nixtieq nirrapporta lill-Kamra dwar il-parteċipazzjoni tiegħi fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-16 u 17 ta’ Diċembru li għadda.  Nibda billi nqiegħed kopja tal-Konklużjonijiet ta’ din il-laqgħa fuq il-Mejda tal-Kamra.

It-tema ewlenija ta’ din il-laqgħa kienet l-emenda limitata għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) sabiex il-membri taż-Żona Ewro ikunu jistgħu jwaqqfu l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà bħala mekkaniżmu permanenti biex tiġi mħarsa l-istabbilità finanzjarja ta’ din iż-żona. 

Kif irrapurtajt lil din il-Kamra fis-7 ta' Diċembru, fil-Kunsill Ewropew tat-28 u 29 ta’ Ottubru, il-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern tas-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea konna qbilna dwar il-ħtieġa li jiġi mwaqqaf mekkaniżmu permanenti sabiex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja taż-Żona Ewro. Għalhekk, il-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, kellu konsultazzjonijiet ma l-Istati Membri dwar bidla limitata meħtieġa fit-Trattat. Fil-frattemp il-Kummissjoni bdiet ukoll, f'konsultazzjoni mill-qrib mal-President tal-Kunsill Ewropew, ħidma preparatorja dwar il-karatteristiċi ġenerali ta’ dan il-mekkaniżmu ġdid, inkluż is-sehem tas-settur privat, ir-rwol tal-Fond Monetarju Internazzjonali u l-kondizzjonalità iebsa li taħtha għandhom joperaw programmi fi ħdan dan il-mekkaniżmu.

Il-qbil li lħaqna fil-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru li għadda kien li għandu jiżdied dan il-paragrafu mal-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE):

"3. L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà li jkun attivat jekk ikun indispensabbli sabiex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-Ewro kollha. L-għoti ta’ kwalunkwe assistenza finanzjarja meħtieġa taħt il-mekkaniżmu ser ikun soġġett għal kondizzjonalità stretta".

Peress li din l-emenda mhix qed tagħti kompetenzi ġodda lill-Unjoni Ewropea, tista’ tiġi mdaħħla bis-saħħa tal-Artikolu 48(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).  Dan l-artikolu jippermetti lill-Kunsill Ewropew, b'mod unanimu u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni, u f’ċerti każijiet, mal-Bank Ċentrali Ewropew, li jadotta deċiżjoni li temenda dispożizzjonijiet tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Id-dħul fis-seħħ ta’ emendi bħal dawn, inkluż din li għadni kemm semmejt, jiddependi mill-approvazzjoni sussegwenti tal-Istati Membri f'konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi ta’ kull Stat Membru.

Il-pjan huwa li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013.

Għalhekk huwa ttamat li l-konsultazzjoni mal-istituzzjonijiet, jiġifieri il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, u l-Bank Ċentrali Ewropew, ikunu lesti sa Marzu li ġej ħalli fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ dak ix-xahar stess tittieħed id-deċiżjoni formali mill-Kunsill Ewropew; Anness I tal-Konklużjonijiet huwa abbozz ta’ din id-deċiżjoni.  Imbagħad wara dan, jibda l-proċess tal-approvazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri individwali, inkluż dan il-Parlament; huwa ttamat li dan il-proċess ikun konkluż sa Diċembru 2012.  B'hekk, l-emenda tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013.  Eventwalment, dan il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà ser jieħu post il-mekkaniżmi ta' bħalissa, jiġifieri l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM), li ser jispiċċaw f'Ġunju 2013.

Il-karatteristiċi ġenerali tal-mekkaniżmu l-ġdid kienu elenkati fid-dikjarazzjoni tal-Euro Group tat-28 ta’ Novembru li għadda u huma inklużi bħala Anness II fil-Konklużjoni tal-Kunsill Ewropew li għadni kemm poġġejt fuq il-Mejda. Dawn il-karatteristiċi jinkludu il-ħtieġa ta’ deċiżjoni unanima mill-pajjiżi taż-Żona Ewro, konsiderazzjoni każ b'każ, ir-rwol tal-Fond Monetarju Internazzjonali, il-parteċipazzjoni ta’ kredituri mis-settur privat, il-ħtieġa ta’ programm strett ta' aġġustament fiskali u ekonomiku.

Kif għidt, dan il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà ser jitwaqqaf mill-membri taż-Żona Ewro.  Madankollu qbilna li Stati Membri oħra jistgħu jieħdu sehem fil-ħidma ta' dan il-mekkaniżmu on a case by case basis.

Matul il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-16 u 17 ta’ Dicembru, il-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern taż-Żona Euro għamilna dikjarazzjoni li ser nagħmlu “dak kollu li huwa meħtieġ” biex inħarsu l-istabbilità taż-żona u li l-Ewro jibqa’ fil-qalba tal-integrazzjoni Ewropea. Qsamna d-determinazzjoni li nkomplu l-implimentazzjoni sħiħa tal-programmi eżistenti, inklużi dak Grieg u Irlandiż, l-impenn favur ir-responsabbiltà fiskali, ir-riformi strutturali meħtieġa u t-tisħiħ tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir,  it-tisħiħ akbar tas-sistema finanzjarja kemm fir-rigward tal-qafas regolatorju kif ukoll ta’ superviżjoni u l-appoġġ sħiħ għall-ħidma tal-Bank Ċentrali Ewropew. 

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u Sigurtà, Catherine Ashton, aġġornatna dwar il-ħidma tagħha mal-imsieħba strateġiċi tal-Unjoni Ewropea, partikolarment maċ-Ċina, ir-Russja u l-Istati Uniti.  Dwar iċ-Ċina, hija spjegat li din hija relazzjoni ta’ interdipendenza strateġika u saħqet dwar il-ħtieġa li nitkellmu b’vuċi waħda.  Ir-Rappreżentant Għoli ser iżżur ir-Russja;  il-bidla fil-klima u l-enerġija għandhom ikunu elementi ewlenin fl-aġenda bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja. Mal-Istati Uniti l-Unjoni Ewropea qed titkellem dwar oqsma pjuttost ġodda, inkluż is-cyber security u l-enerġija.  Il-Barunessa Ashton qed tippjana li matul din is-sena tkompli tiżviluppa ma’ għadd ta’ msieħba ewlenin oħra, partikolarment l-Indja, il-Brażil u l-Afrika t'Isfel.

Iddiskutejna punti oħra inkluż ir-riżultati tal-Konferenza ta' Cancun dwar il-bidla fil-klima, il-qagħda fil-Côte d’Ivoire fil-waqt li Montenegro ġie approvat bħala pajjiż kandidat ghal sħubija fl-Unjoni Ewropea.

pr0086.pdfpr0086a.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow