Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, FL-OKKAŻJONI TAT-TNEDIJA TAS-SISTEMA TA’ ASSESSJAR FI TMIEM IL-PRIMARJA – LUQA – 15 TA’ JANNAR 2011

pr0075
Date Icon 15/01/2011

EDUKAZZJONI TA’ KWALITA’ GĦAT-TFAL KOLLHA

Il-Gvern hu mpenjat li jkompli jagħti edukazzjoni ta’ kwalita’ lit-tfal kollha mingħajr distinzjoni.  Dan se jkun assigurat bis-sistema ġdida ta’ assessjar fi tmiem l-iskola primarja li se tkun introdotta din is-sena biex tieħu post l-eżamijiet tal-Junior College u tal-Common Entrance.

Illum qed nagħmlu pass importanti ieħor fl-iżvilupp tas-sistema edukattiv ta’ pajjiżna. Fil-qasam tal-edukazzjoni rridu dejjem nibqgħu naġġornaw is-sistemi u nadottawhom għas-sitwazzjonijiet attwali li l-iżvilupp tal-pajjiż jiddetta. Dan ma jfissirx li għandna narmu dak li għandna jew li s-sistemi li qdew il-ħtiġijiet tal-pajjiż għal numru ta’ snin kienu ħżiena.  Iżda l-akbar żball li nistgħu nagħmlu hu li ma naġġornawx is-sistemi u nkunu kuntenti b’dak li ksibna s’issa.

Biex wasalna għal dan il-pass wittejna t-triq b’ħidma li għamilna fis-snin u x-xhur li għaddew.  Bdejna biex ħloqna l-għaxar kulleġġi li għandna l-lum, kull wieħed bl-istrutturi tiegħu.  Neħħejna li streaming mill-iskejjel tagħna.  Fil-klassijiet kollha tal-primarja issa għandna studenti b’ħiliet differenti.  Neħħejna l-eżami tal-Junior Lyceum u l-pass naturali li jmiss issa huli nintroduċu sistema ta’ kif se nassessjaw l-istudenti tagħna fi tmiem il-Primarja biex nistabilixxu l-ħiliet tagħhom.

Kif tispjega aktar ‘l quddiem id-Direttur Ġenerali għall-Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni, l-Professur Grace Grima, din is-sistema l-ġdida se tidħol fis-seħħ f’Ġunju li ġej.

L-Assessjar il-ġdid se jieħu forma ta’ eżamijiet kemm bil-miktub kif ukoll orali.  L-iskop tagħhom hu li jagħtuna l-livelli ta’ kompetenza li jkunu laħqu l-isudenti qabel jindew is-sekondarja.  B’hekk inkunu nistgħu nfasslu l-programm edukattiv skont il-ħtiġijiet ta’ kull student u studenta u allura ngħinuhom biex ikompli mexjin ‘l quddiem u nagħtuhom għajnuna addizzjonali – jekk ikun il-każ – fis-suġġetti li jkollhom bżonn.

Se nassessjaw lill-istudenti fuq firxa ta’ ħiliet biex ikollna stampa ċara ta’ dak li hu kapaċi jagħmel kull student/a f’din il-fażi kruċjali tal-iżvilupp edukattiv u personali tagħhom. Din l-istampa narawha flimkien mal-istudenti nfushom u l-ġenituri tagħhom u fuq kollox mal-għalliema li se jkun responsabbli mill-edukazzjoni tat-tfal fil-livell sekondarju.  Se tinħoloq sistema ta’ rappurtaġġ li tkun aġġornata perjodikament skont il-progress tat-tifel jew tifla.

Biex wasalna għal din is-sistema tkellimna u kien hemm parteċipazzjoni wiesgħa ma’ diversi stakeholders fosthom il-Fakulta tal-Edukazzjoni fl-Universita fejn ikunu preparati l-għalliema tagħna kif ukoll l-għalliema nfushom kemm dawk fl-iskejjel tagħna kif ukoll fl-iskejjel tal-knisja u dawk privati.

Irrid ngħid li l-għalliema tas-sitt sena tal-primarja kellhom sehem qawwi kemm fil-konsultazzjonijiet kif ukoll fid-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar kif għandhom jitfasslu dawn l-eżamijiet.

Jiena konvinta li bil-kollaborazzjoni ta’ kulħadd is-sistema l-ġdida għandha taħdem u taħdem sew biex inkomplu ngħollu l-livell tal-esperjenza edukattiva li nagħtu lill-istudenti tagħna u nassiguraw li jkollhom prospetti tajbin kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq dak Ewropew.

Importanti ngħid ukoll li f’dan kollu, barra li tkellimna u smajna lil dawk interessati, imxejna wkoll mal-punti gwida li jagħti l-Qafas Ewropew tal-Lingwi u se nagħtu l-importanza mistħoqqa lill-ħiliet fil-lingwi.

Kif tispjega aħjar Grace Grima warajja, fejn jidħlu l-lingwi, jiġifieri l-Malti u l-Ingliz, it-tfal se jkunu assessjati wara li jkunu semgħu xi ħadd jitkellem b’dawn il-lingwi, fuq kemm huma jafu jitkellmu bihom, kemm huma kapaċi jawrawhom u jifhmuhom u finalment fuq il-ħila tal-kitba biż-żewġ lingwi.  Fil-matematika, barra l-eżami bil-kitba se jkollhom ukoll eżerċizzju mentali wkoll.

Meta ħabbarna r-riforma tat-Tranżizzjoni mill-Primarja għas-Sekondarja – u din li qed inħabbru l-lum hi fażi oħra minn dik ir-riforma – kien hawn min esprima tħassib li issa l-għalliema se jkomplu jħabbtu wiċċhom ma tfal b’ħiliet differenti u dan jista’ jippreżenta diffikulta.

Aħna smajna u għarbilna bir-reqqa dak kollu li ntqalilna, inkluż dan it-tħassib.  Jien, u miegħi id-Diretturi Ġenerali u l-uffiċjali l-oħra tad-Dipartiment għandna fiduċja sħiħa fl-għalliema tagħna.  Ilkoll kemm huma l-lum, jgħaddu mill-manglu tal-Universita’ fejn jingħataw preparazzjoni li tagħmilhom kapaċi jilqgħu anke din l-isfida.

Irrid inserraħ ras l-għalliema kollha li mhux se nħalluhom weħidhom.  Kif jafu huma stess diġa’ saru numru ta’ laqgħat magħhom fejn kien spjegat lilhom kif se jsir dan l-assessjar.  U d-Direttorat ikun dejjem lest li jkompli jassisti kulfejn hemm bżonn.

Barra minn dan, mill-ġimgħa d-dieħla stess, fil-Kulleġġi kollha tagħna se nibdew sessjonijiet ta’ laqgħat mal-ġenituri dwar kif se nħaddmu flimkien dan il-proċess.  Nistieden lill-ġenituri kollha li għandhom ‘l uliedhom f’dawn l-iskejjel, kemm tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti biex jattendu għal dawn il-laqgħat għaliex din ir-riforma qed nagħmluha lkoll flimkien.

Punt ieħor importanti li xtaqt insemmi hu li fil-proċess tal-assessjar se ninvolu lill-għalliema tas-sitt klassi u se nġibu flimkien għalliema mill-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti.  Din l-opportunita’ għandha tkompli tikkontribwixxi għall-iżvilupp professjonali tagħhom.  Flimkien se jkunu qed jevalwaw il-livelli ta’ studenti minn skejjel differenti bla ma jkunu jafu minn liema skola jkunu ġejjin l-istudenti.

Tifhmu li biex wasalna hawn għaddejna minn proċess li ħa xi ftit fit-tul.  Iżda ridna nisimgħu dak li kellu xi jgħid kulħadd, niddiskutu u nfittxu li noħorġu bl-aħjar mudell ta’ assesjar li jkun adattat għaċ-ċirkostanzi tagħna u li fl-istess waqt jibqa’ jiggarantilna li nagħtu edukazzjoni ta’ kwalita’ fl-iskejjel tagħna.

Għalhekk minn qalbi rrid nirringrazzja lil dawk kollha li taw sehmhom f’dan il-proċess.  Nappella għas-sehem ta’ kulħadd biex nassiguraw is-suċċess ta’ din is-sistema u b’hekk inkunu qed nassiguraw futur aħjar għat-tfal tagħna u għal pajjiżna kollu kemm hu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow