Left arrow Go Back

AKTAR TISĦIĦ INFRASTRUTTURALI F’GĦAWDEX

pr0068
Date Icon 14/01/2011

Xogħlijiet infrastrutturali li ġew imwettqa f’Għawdex mal-bidu tas-sena 2011, wasslu biex jiġi konkluż proġett tal-Ministeru għal Għawdex li permezz tiegħu sar il-kisi mill-ġdid tat-triq li min-Nadur twassal għall-bajja popolari tar-Ramla. Minbarra li sar il-kisi bit-tarmak tul medda ta’ madwar 1.6 km tat-triq saru xogħlijiet oħra li komplew jikkumplimentaw id-dehra ġenerali tat-triq u l-ambjent tal-madwar. Dan ix-xogħol kien jinkludi manutenzjoni ta’ ħitan tas-sejjiegħ, bini ta’ bankini ġodda kif ukoll manutenzjoni ta’ belveder tul parti mit-triq. Dan kollu wassal biex ġie mtejjeb konsiderevolment l-aċċess għal din il-bajja li hija attrazzjoni ewlenija kemm għat-turisti kif ukoll għal bosta Maltin u Għawdxin li jiffrekwentawha matul is-sena kollha.

Sadanittant f’dawn l-aħħar xhur, il-Ministeru għal Għawdex beda għaddej b’xogħlijiet oħra marbuta ma’ bini mill-ġdid ta’ Triq il-Ġebla tal-Ġeneral, li mir-raħal ta’ San Lawrenz twassal għal bajja tad-Dwejra li hija attrazzjoni turistika oħra fil-gżira Għawdxija. Ix-xogħol fuq din it-triq ta’ madwar 1.5 km ser jinkludi twessiegħ ta’ partijiet mit-triq, bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjiegħ, kif ukoll installazzjoni mill-ġdid  tas-servizzi. In-natura tax-xogħol intensiv li jenħtieġ isir f’din it-triq ikkawża l-għeluq temporanju tagħha; iżda minkejja dan, qed jingħata aċċess għal pubbliku, skond u meta jippermetti x-xogħol. Dan biex anke jiġi aġevolat is-settur turistiku.

Minbarra x-xogħlijiet fuq dawn iż-żewġ toroq ewlenin f’Għawdex, resqin lejn il-fażi finali tagħhom żewġ proġetti li bejniethom ser ikunu qed jirriżultaw fil-bini mill-ġdid ta’ 2.5 km oħra ta’ toroq f’Għawdex. Dawn huma marbuta mal-bini mill-ġdid ta’ parti mit-Triq tax-Xlendi kif ukoll it-Triq li tagħti għas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu. Dawn qed isiru b’ko-finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt il-Programm ta’ Politika ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea għal perjodu 2007 – 2013.

Dan kollu ser ikompli jirriżulta fit-tisħiħ tal-infrastruttura tat-toroq f’Għawdex, billi jipprovdu toroq tajbin li joffru wkoll aktar sigurtà. Dawn il-proġetti għandhom ukoll l-għan li jtejbu l-aċċessibilità lejn attrazzjonijiet turistiċi ewlenin f’Għawdex. Dan ser ikun ta’ benefiċċju mhux biss għar-residenti Għawdxin, iżda wkoll għall-eluf ta’ turisti Maltin u barranin li jżuru jew iqattgħu btajjel f’Għawdex.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow