OPPORTUNITAJIET BIEX IS-SIDIEN TAN-NEGOZJI MALTIN JESPANDU L-OPERAT TAGĦHOM BARRA MINN PAJJIŻNA
155 negozju ħadu sehem fi 8 delegazzjonijiet kummerċjali fl-2010
Matul l-2011, il-Malta Enterprise se tkun qed tgħin lis-sidien ta’ negozi f’pajjiżna jipparteċipaw f’aktar minn 15-il avveniment internazzjonali biex dawn jesploraw opportunitajiet fi swieq barranin biex ikunu jistgħu jespandu n-negozju tagħhom. Dan ħabbru l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech. Għal dan l-għan, il-Gvern ikkometta baġit ta’ €350,000.
Huwa spjega li l-Gvern jgħin il-parteċipazzjoni tan-negozji Maltin f’dawn l-avvenimenti, li jinkludu delegazzjonijiet kummerċjali u parteċipazzjoni f’fieri ewlenin, bl-għan finali għal ħolqien ta’ aktar postijiet tax-xogħol ta’ kwalità. Huwa fisser kif dan l-għan jintlaħaq minn żewġ aspetti. Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, il-Malta Enterprise tassisti l-intrapriżi lokali, speċjalment l-SMEs, fl-istrateġija ta’ tkabbir tagħhom billi jespandu l-operat tagħhom barra l-pajjiż. Partikolarment, il-Malta Enterprise tieħu ħsieb li torganizza laqgħat ma’ kumpaniji barranin f’networking events biex tgħin lill-parteċipanti jsibu kuntatti biex jespandu n-negozji tagħhom. It-tieni, waqt dawn l-avvenimenti ssir ukoll promozzjoni ta’ Malta biex jiżdied l-għarfien f’dawn il-pajjiżi dwar x’opportunitajiet toffri pajjiżjna għal min jinvesti f’Malta.
Fl-2010, total ta’ 155 intrapriża ħadu sehem fi 8 delegazzjonijiet kummerċjali u 6 fieri speċjalizzati. Dan barra li 28 kumpanija oħra ngħataw l-għajnuna f’avvenimenti oħra li ma ħaditx sehem il-Malta Enterprise.
Iċ-Chairman tal-Malta Enterprise, Alan Camilleri, tkellem dwar il-programm għal matul l-2011, u spjega li dan jinkludi kemm swieq stabbiliti fl-Ewropa u lil hinn, bħall-Ġermanja, u l-Belġju u l-Olanda, kif ukoll pajjiżi fi swieq emerġenti bħaċ-Ċina u l-Indja, kif ukoll l-Iżrael u l-Palestina. Qal li l-programm jinkludi ukoll għadd ta’ fieri speċjalizzati f’oqsma fejn il-kumpaniji Maltin għandhom potenzjal li jmorru tajjeb, kif ukoll networking events li jgħinhom isibu msieħba barranin għall-operat tagħhom.
Is-swieq li jintagħżlu għall-avvenimenti ta’ internazzjonalizzazzjoni jintagħżlu fuq numru ta’ kriterji, fosthom studji tas-swieq, feedback mill-korpi kostitwiti u kumpaniji li jirrikorru għand il-Malta Enterprise.
Huwa tkellem ukoll dwar l-iskema ta’ għajuna Gateway to Export, li tħabbret fil-Baġit 2011, li hija wkoll intiża li tipprovdi għajnuna biex sidien ta’ negozji f’pajjiżna jimirħu fi swieq barranin u li mistennija titnieda fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-kalendarju tal-avvenimenti internazzjonali huwa mehmuż ma’ din l-istqarrija.
pr0065a.pdf
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003