DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMMUNITÀ FL-OKKAŻJONI TAL-25 ANNIVERSARJU TAL-ENDOSKOPIJA
Illum huwa jum importanti ferm. Illum il-Unit tal-Endoskopija tagħlaq ħamsa u għoxrin sena. Dan huwa anniversarju li se nfakkruh għaliex mhux biss huwa jum marbut ma’ progress fil-mediċina iżda għaliex niftakru wkoll li ġo dan l-Isptar għandna professjonisti li minn dejjem imxew mal-aktar teknoloġija avvanzata ta’ żmienna.
L-Endoskopija (Endoscopy) tgħin sabiex it-tobba u l-ispeċjalisti jkunu jistgħu jaraw il-ġisem minn ġewwa. Hija sistema li permezz ta’ strument li jidħol f’organi differenti, l-ispeċjalisti mhux biss jeżaminaw imma jistgħu jagħmlu wkoll biopsy (dijanjostika jew terapewtika). Illum isiru endoskopiji fil-musrana l-kbira u l-musrana ż-żgħira, fl-istonku, fil-pulmun u anke fejn ikun hemm ċesti.
F’Malta l-Endoscopy Unit infetħet fl-1985 fl-Isptar San Luqa. Dak iż-żmien dan il-unit kien jikkonsisti f’żewġ teatri bil-possibilità li jiġu eżaminati erba’ pazjenti biss. In-numru ta’ proċeduri żdied maż-żmien – minn tlett elef u sebgħin endoskopija fl-1987 għall-tmint elef u ħames mija fl-2010. Dan kien possibbli għaliex sar investiment serju f’dan il-qasam.
Fost l-investiment li sar f’Mater Dei, żdiedu t-teatri (minn tnejn għal ħamsa). Illum, it-teatri KOLLHA huma attrezzati bi strumenti tal-endoskopija. Dan il-fatt qed jgħin ukoll għaliex l-endoskopija illum tintuża ħafna fit-taħriġ tat-tobba u l-infermiera tagħna. Kien hemm ukoll investiment qawwi fin-numru ta’ strumenti nfushom (endoscopes) – minn tlieta u għoxrin għal ħamsin endoscope.
Jiena nemmen immens fil-kapaċitajiet kbar tal-ispeċjalisti tagħna. Fil-fatt, investiment importanti li sar f’dan il-qasam kien iż-żieda fil-konsulenti – minn ħamsa għal dsatax. Ma’ dawn ta’ min isemmi żieda sostanzjali ta’ nursing staff u support services bħal care workers li jgħinu sabiex is-servizz ikun wieħed eċċellenti.
Tul is-snin rajna wkoll żieda u titjib sostanzjali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prodotti anċillari li jintużaw f’dan is-servizz. Kollox ma’ kollox, rajna titjib, u qed inkomplu naraw titjib f’servizz illi llum sar indispensabbli.
Ħamsa u għoxrin sena ilu kienet ħolma li naraw l-ispeċjalizzazzjonijiet li qed naraw illum. Fosthom insemmi l-E.R.C.P. (Endoscopic Retrograde Cholangio Pancreatography), l-Oesophageal u colonic stenting, l-Oesophageal Dilatation, l-Endo clips għal meta jkun hemm demm fil-musrana, l-APC Argon Plasma Coagulation, u ħafna, ħafna aktar.
Jiena nixtieq nifraħ u nirringrazzja minn qalbi lil kull min ta sehemu biex jibda dan is-servizz ħamsa u għoxrin sena ilu. Nixtieq ukoll nuri l-apprezzament tiegħi lit-tim kollu li jaħdem f’din il-unit li nassigurakom jagħmlu ħilithom kollha sabiex is-servizz ikun mill-aqwa u sabiex ikompli jitjieb għall-ġid tal-pazjenti kollha.
Ħajr partikolari lil Dr Mario Vassallo (Chairman tal-Mediċina) u lill-Professor Godfrey Laferla (Chairman tal-Kirurġija) u lit-timijiet kollha tagħhom. Ħajr ukoll lill-Management kollu li għaraf l-importanza ta’ din il-unit fi ħdan is-servizzi kollha li qed noffru ġo l-Isptar Mater Dei.
Grazzi minn qalbi.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003