TITĦAWWEL IL-100,000 SIĠRA MINN KEMM ILHA LI TWAQQFET IL-KAMPANJA 34U
Fil-Park Nazzjonali tas-Salini llum tħawlet il-100,000 siġra minn kemm ilha li bdiet il-kampanja 34U. Din is-siġra taż-żebbuġ tħawlet mill-Famlija Abela fl-okkażjoni tat-twelid tat-tarbija tagħhom Jake.
Preżenti għal din l-attività kien hemm il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, George Pullicino. Il-Ministru Pullicino rringrazzja lil kull min tul dawn l-aħħar 6 snin, minn meta bdiet il-kampanja 34U fl-2004, ħawwel siġra biex tibqa’ tifkira ħajja ta’ xi avveniment partikolari. Il-Ministru Pullicino qal li din il-kampanja 34U hija ‘kampanja tan-nies’ għal fatt li n-nies għamlu din il-kampanja tagħhom u qegħdin iħawlu s-siġar taħt waħda mis-sitt skemi li l-kampanja 34U toffri.
Is-siġar kollha li tħawlu madwar il-pajjiż huma kollha siġar indiġeni Maltin. Madwar 60,000 siġra tħawlu minn kumpaniji privati, kunsilli lokali u entitajiet oħra filwaqt li ’l fuq minn 40,000 siġra tħawlu minn familji biex tibqa’ tiftkira ħajja ta’ avveniment partikolari bħal; twelid ta’ tarbija taħt il-kampanja 34babies, fl-okkażjoni tal-gradwazzjoni taħt il-kampanja 34graduate jew saħħansitra biex ikun imfakkar il-jum tat-tieġ jew anniversarju taħt l-kampanja 34love.
L-aktar 6 postijiet li fihom tħawlu siġar minn din il-kampanja huma f’Ta’ Qali b’ammont li jaqbeż l-20,000 siġra, is-Salina fejn tħawlu aktar minn 12,000, Xrobb l-Għagin 14,663, il-Magħtab 13,000 siġra, fil-Mellieha tħawlu ‘l fuq minn 11,000, filwaqt li f’Marsascala tħawlu qrib l-10,000 siġra.
Waqt l-attività ta’ dalgħodu l-kumpanija ELC ippreżentat donazzjoni lill-Ministru Pullicino sabiex jitħawlu 5,000 siġra permezz tal-kampanja 34U. Intant il-Ministru Pullicino filwaqt li rringrazzja lil ELC, fakkar kif f’dawn l-aħħar snin kemm ilha mwaqqfa wkoll din il-kampanja, il-Gvern ħadem biex iżid il-Parks f’pajjiżna. Saru erba’ estenzjonijiet tal-park nazzjonali ta’ Ta’ Qali, il-park nazzjonali tas-Salina, park fi Xrobb l-Ġhagin, filwaqt li fakkar li se jsir petting farm f’Ta’ Qali u r-riabilitazzjoni tal-miżbliet il-magħluqa f’Parks fosthom f’Wied il-Għajn, il-Magħtab u l-Qortin, Għawdex.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003