INVESTIMENT FIX-XOGĦOL
“L-investiment privat fis-suq tal-manutenzjoni tad-dgħajjes jixhed fiduċja fl-ekonomija, u entużjażmu lejn it-tkabbir tal-operat. Dan jawgura tajjeb għall-qasam tal-intrapriżi żgħar u l-ħolqien tax-xogħol f’pajjiżna.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi dalgħodu meta żar l-investiment li wettqet fl-aħħar xhur il-kumpanija A&J Baldacchino Boatyard f’tagħmir speċjalizzat, għall-boatyard tagħhom f’Birżebbuġa.
Jason Azzopardi qal li dan l-investiment sar matul is-sena li għaddiet – sena li ma kienet waħda faċli għal ħadd. Madanakollu din il-kumpanija għarfet taqra s-sinjali tas-suq, u investiet fl-operat tagħha biex tkompli tkabbar is-suq, u żżid ix-xogħol u l-impjiegi. L-entużjażmu u l-esperjenza li għandha din il-kumpanija, imżewwġa ma’ dan l-investiment iwassal għal iżjed xogħol.
Din il-kumpanija għamlet investiment ta’ €230,000 is-sena li għaddiet, f’tagħmir sofistikat li jippermetti lill-operatur iġorr u jistiva yachts kbar, b’kumdità, effiċjenza, u preċiżjoni. Dan l-apparat li l-kumpanija ilha topera bih minn April tas-sena li għaddiet, ġie ordnat mill-Italja, u ġie iddiżinjat u mfassal made-to-measure, skond l-eżiġenzi tal-operatur Malti.
Din il-kumpanija tispeċjalizza fix-xogħol ta’ manutenzjoni ta’ dgħajjes. Ilha stabbilita mill-1991 u tħaddem 4 ħaddiema. Illum 90% tal-klijentela ta’ din il-kumpanija hija waħda barranija. Frott il-potenzjali ta’ dan is-suq, il-kumpanija qed taħseb li tkabbar fid-daqs, bir-riżultat li iżżid l-impjegati tagħha anke fl-immedjat. Hija għamlet ukoll applikazzjoni għal iżjed art li tinsab biswit il-faċilità eżistenti mad-Dipartiment tal-Artijiet.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003