Left arrow Go Back

IPPUBBLIKAT IR-RAPPORT TAL-ESPERTI DWAR APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-ĠBID TA’ FILMS F’ŻONI SENSITTIVI

pr0049
Date Icon 12/01/2011

F’Novembru 2010, is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario de Marco kkumissjona żewġ esperti legali, il-Prof. Kevin Aquilina u Dr. Simone Borg li t-tnejn ħadmu, għamlu riċerka u huma lecturers fis-suġġett tal-liġi ambjentali u tal-ippjanar tal-iżvilupp. Iż-żewġ esperti ntalbu jeżaminaw il-proċess adottat mill-MEPA biex tevalwa applikazzjonijiet għal ġbid ta’ films f’żoni sensittivi.

Il-Gvern inkariga lil dawn iż-żewġ esperti biex fid-dawl tal-inċident li seħħ fid-Dwejra Għawdex, jeżaminaw il-proċess li qed jintuża mill-MEPA. Huma ntalbu wkoll jipproponu tibdil sabiex dan il-proċess jissaħħaħ fl-interess tal-ħarsien tal-wirt storiku u naturali ta’ pajjiżna. Il-Gvern illum qed jippublika dan ir-rapport.

Ir-rapport mill-esperti tħejja wara serje ta’ laqgħat mad-Direttur għall-Protezzjoni tal-Ambjent, id-Direttur għall-Ippjanar, il-Kummissarju tal-Film u mal-għaqdiet ambjentali. L-esperti sabu li l-kundizzjonijiet inklużi fil-permess għall-ġbid ta’ xeni tal-film Game of Thrones, fid-Dwejra kienu suffiċjenti u adekwati. Jirrikonoxxu li l-uffiċjali tal-MEPA ma jistgħux ikunu preżenti biex jispezzjonaw kull żvilupp anke jekk ikun inħareġ permess u għalhekk jipproponu li l-kumpaniji lokali tal-films jibdew jaħtru rappreżentant li jkun responsabbli għall-osservanza tal-permess u tal-liġijiet applikabbli. L-esperti jżidu li hemm lok għal titjib fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet mill-industrija tal-films. Jinnotaw però, li dawn l-applikazzjonijiet għandhom jibqgħu jiġu pproċessati b’effiċjenza minħabba l-benefiċċju ekonomiku li pajjiżna jieħu mill-industrija tal-film.

L-esperti jirrakkomandaw li għall-finijiet ta’ regolamenti għandha issir distinzjoni bejn permessi ta’ gbid ta’ films f’żoni sensittivi u żoni insensittivi. L-esperti jipproponu li b’rabta ma’ ġbid ta’ films f’żoni sensittivi:

1) Il-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp (id-DCC) li bir-riforma tal-MEPA issir il-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp u l-Ambjent (EPC) għandha tkun il-bord li jieħu d-deċiżjonijiet u mhux d-Direttur  tal-Ippjanar.

2) Minħabba li l-industrija tal-film hija ta’ benefiċċju għall-ekonomija Maltija, id-deċiżjoni dwar permess għall-ġbid ta’ films f’żoni sensittivi għandha tittieħed fi żmien relattivament qasir. Huwa propost li deċiżjoni mill-EPC tittieħed fi żmien ħamest ijiem minn meta l-Kummissjoni tirċievi d-Development Permission Application Report (DPAR) li jkun tħejja mid-direttorat li jkun approva l-applikazzjoni.

3) F’każ ta’ permess għall-ġbid ta’ films f’żoni sensittivi, l-applikazzjoni trid tkun approvata uffiċjalment u bil-kitba mid-Direttur tal-Ippjanar u mid-Direttur għall-Protezzjoni tal-Ambjent.

4) Il-MEPA għandha tħejji lista’ ta’ postijiet ikkunsidrati sensittivi u tagħmel mappa tagħhom biex meta ssir applikazzjoni għall-żvilupp fihom, il-Case Officer u l-EPC jkunu jistgħu jidentifikaw immedjatament l-fatt li l-applikazzjoni hija għal attività f’żona sensittiva. Din il-lista għandha tintbagħat lill-għaqdiet ambjentali, il-Kummissarju tal-Film u l-kumpaniji lokali għall-produzzjoni tal-film.

5) Il-kumpanija lokali tal-film trid tappunta rappreżentant li jkollu r-rwol li jassigura li fil-preparazzjoni, matul il-ġbid tal-film u wara li jiżżarma l-apparat mill-post, jiġu segwiti l-kundizzjonijiet tal-permess. Meta jkun hemm dubju fuq l-interpretazzjoni ta’ xi parti mill-permess, dan ir-rappreżentant għandu jadotta l-prinċipju tal-prekawzjoni (precautionary principle) u għalhekk iwaqqaf x-xogħol sakemm ikollu kjarifikazzjoni ta’ dik il-parti tal-permess mill-MEPA. Din l-interpretazzjoni trid tingħata fi żmien jumejn, miċ-Chairman ta’ EPC (li bir-riforma tal-MEPA se jkun impjegat fuq bażi full-time) li jkun ħareġ il-permess, u fin-nuqqas tiegħu minn membru tal-Kummissjoni.

6) Minbarra r-rappreżentant magħżul, anke s-Sezzjoni tal-Infurzar fil-MEPA għandha twettaq spezzjonijiet tal-post, f’intervalli regolari sew meta l-iżvilupp qed iseħħ, kif ukoll waqt il-ġbid tal-film, u meta jkun qed jiżżarma s-set. L-ispejjeż tal-ispezzjoni għandhom jibqgħu jiġu mħallsa mill-applikant.

7) Għandu jiġi mpost bond b’valur li jirrifletti s-sinifikat kulturali u naturali tas-sit. Il-filming f’siti sensittivi bħal siti ta’ Natura 2000, siti ta’ konservazzjoni urbani (UCAs) u propjetà skedata għandu jkun akkumpanjat minn ammonti li jirriflettu s-sensittività tal-post u li jkun deċiż skont iċ-ċirkostanzi tal-każ.

8) Il-MEPA għandha tistabbilixxi minn qabel il-valuri ta’ bond skont kategoriji differenti li jiġu identifikati biex jiddefinixu s-sensittività tal-post u tal-ambjent tas-sit. Din l-informazzjoni għandha tingħata lill-għaqdiet ambjentali, il-Kummissarju tal-Film u l-kumpaniji lokali tal-produzzjoni tal-film. Alternattiva oħra hija li l-MEPA tagħti permess lill-Kummissarju tal-Film biex isiru films f’żoni identifikati minn qabel, bil-Kummissarju jagħti l-konċessjoni tiegħu lill-kumpanniji lokali tal-film li jiġbdu xeni f’dawn is-siti li jkunu ġew identifikati minn qabel. Ikun meħtieġ li l-MEPA tikkonsulta mal-Kummissarju tal-Film u l-għaqdiet ambjentali biex issir data sheet għal kull sit. Din tkun tinkludi l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi ta’ kull sit. B’kollox hawn madwar tnax-il sit li huma spiss użati għall-ġbid ta’ films u għalhekk huwa possibli li jsir dan l-eżerċizzju. B’din il-proċedura, il-produttur ta’ film jitlob l-approvazzjoni tal-Kummissarju tal-Film biex jekk il-ġbid ta’ film ikun fil-limiti tal-kundizzjonijiet stabbiliti, ma jkollux għalfejn japplika għal permess mal-MEPA. Dan huwa proċess li jservi biex ikun hemm one stop shop u allura jitnaqqsu l-ispejjeż u d-dewmien filwaqt li tiżdied l-effiċjenza.

F’każ ta’ ġbid ta’ films f’żoni insensittivi l-esperti jipproponu li l-MEPA tibqa’ tħaddan il-proċedura eżistenti li l-permess jinħareġ mid-Direttur tal-Ippjannar u meta ma jaqbilx mal-applikazzjoni, għandu jirrifjuta l-permess. Jipproponu, però, li qabel jinħareġ il-permess, għandu jikkonsulta mad-Direttur għall-Protezzjoni tal-Ambjent u jieħu parir mingħand il-Kumitat Konsultattiv tal-Wirt Storiku. Jekk xi parti minn dawn konsultati, ma taqbilx li għandu jinħareġ il-permess, l-applikazzjoni għandha tintbagħat għand l-EPC biex tiġi deċiża minnha. Bħal fil-każ ta’ żoni sensittivi, għandha ssir garanzija mill-applikant għall-permess biex jiġbed il-film, bil-valur ivarja skont is-sit u skont iċ-ċirkostanzi tal-każ.

L-esperti jipproponu li jiddaħlu kundizzjonijiet ġodda f’permessi ta’ żvilupp relatat mal-ġbid ta’ films li jitolbu li l-kumpannija ta’ film (l-applikant) tibda tipprovdi:

• spjegazzjoni tas-sistema li se titħaddem f’każ li jkun se jsir tibdil fil-livell tal-wiċċ tas-sit li jkun f’żona ambjentali sensittiva.

• skeda tal-ġbid tal-film u f’kaz ta’xi bidliet li jsiru wara, jiġu approvati mil-EPC

• rapport lid-Direttur u d-Direttorat tal-Infurzar dwar ħsarat ambjentali kkaġġunati fil-fażi tal-preparamenti ta’ film, waqt il-ġbid ta’ xeni u fiż-żarmar. Dan ir-rapport għandu jasal għand id-Direttorat mhux aktar tard minn ġurnata minn meta ssir l-ħsara ambjentali. Id-direttur jkollu r-rwol li jagħti direzzjoni, skont l-gravità tal-każ, fuq l-azzjonijiet ta’ rimedju li għandu jieħu l-applikant u ż-żmien li fih iridu jsiru dawn l-azzjonijiet.

• id-dettalji ta’ rappreżentant maħtur mill-kumpanija tal-film biex jissorvelja l-proċess u jara li kollox issir skont il-permess

• it-tqegħid ta’ sinjali approvati mill-MEPA li jinfurmaw lill-pubbliku li fiż-żona qed isir l-ġbid ta’ films, u

• jidentifika l-attività marbuta mal-ġbid ta’ films li normlament ma ssirx fi żvilupp ieħor bħal użu ta’ silġ artifiċjali, xeni ta’ ikkraxxjar, użu ta’ helicopters, u ajruplani, kif ukoll ta’ pjanti u annimali li normalment ma nsibux f’pajjiżna u ffilmjar fil-baħar.

L-esperti jirrikonoxxu li l-Gvern waħdu ma jistax jissorvelja l-attività kollha marbuta mal-ambjent. Għalhekk ir-rapport jagħmel proposti favur aktar koordinazzjoni bejn il-MEPA u l-għaqdiet volontarji li jaħdmu favur l-ambjent. Jipproponi li l-MEPA għandu jkollha uffiċjal li l-għaqdiet ambjentali jkunu jistgħu jikkuntatjaw meta jkunu infurmati b’xi ksur ta’ regolamenti. Dan għalhekk iservi biex l-għaqdiet ambjentali jikkumplimentaw il-ħidma ta’ infurzar mill-MEPA u b’hekk jiġu ssalvagwardjati aħjar ir-riżorsi naturali u l-patrimonju tagħna. Iżda biex dan iseħħ, jeħtieġ li s-settur volontarju ambjentali jkun organizzat. Għal dan il-għan, l-esperti jipproponu li tiġi ppreżentata liġi fil-Parlament, li tirregola l-għaqdiet ambjentali li jaħdmu fuq bażi volontarja. Din il-liġi tkun tirrikonoxxi l-ħidma ta’ dawn l-għaqdiet bil-funzjonijiet prinċipali jkunu:

• il-promozzjoni u t-tqassim ta’ informazzjoni dwar l-ambjent, b’referenza partikolari għal-liġijiet marbuta mal-ambjent

• il-monitoraġġ u l-infurzar f’każ ta’ ksur ta’ proviżjonijiet tal-liġi ambjentali

• il-ħidma kif assenjata mill-MEPA

• il-ħidma f’każ ta’ emerġenza jew diżastru ambjentali

Ir-rapport jipproponi li l-MEPA tikkonsulta l-Ministeru ta’ Għawdex fir-rigward ta’ permessi għal żvilupp f’żona ta’ Natura 2000 li jinsabu f’Għawdex u Kemmuna. Filwaqt li Malta għandha sal-2014 biex tħejji pjan għall-immaniġġjar tad-Dwejra, il-bord jipproponi li jkun għaqli li l-pjan jitħejja qabel u minflok isir sal-2012. Jipproponi wkoll li tiżdied il-garanzija bankarja għall-attività ta’ ġbid ta’ films f’żoni ambjentali sensittivi filwaqt li jkun aċċertat li l-polza ta’ assigurazzjoni (insurance) li tagħmel l-kumpanija, tkun tinkludi l-ħlas ta’ spejjeż għal ħsarat ambjentali. L-esperti jgħidu wkoll li l-MEPA għandha tistabbilixxi miżuri bbażati fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni f’siti ta’ Natura 2000 u f’propjetà skedata.

L-esperti jipproponu wkoll li jitwaqqaf Film Shooting Board li fost l-oħrajn jkollu l-funzjoni li janalizza r-rapport imħejji minnu ħalli mbagħad jiġi implimentat mill-Gvern u l-MEPA, japprova kundizzjonijiet ġenerali li għandhom jiddaħħlu f’permessi għall-ġbid ta’ films u jieħu miżuri li jaċċertaw li l-għaqdiet ambjentali jkollhom l-għodda u t-taħriġ meħtieġ biex jipparteċipaw b’mod aktar wiesa’ fil-proċess ta’ monitoraġġ u infurzar.

Ir-rapport jipproponi wkoll li jsiru emendi fl-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jinkludu artikoli li jgħidu li persuni li jkollhom track record ta’ ksur ta’ regolamenti b’rabta ma’ żvilupp jew ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ permess għall-iżvilupp, ma jinħarġulhomx aktar permessi għall-iżvilupp.

L-esperti jagħmlu ukoll rakkomodazzjonijiet għat-titjib ta’ rimedju legali. Fost l-oħrajn jirrakommandaw li l-kundizzjoni li tistipula li fil-każ ta’ ksur ta’ kundizzjoni tal-permess tinżamm il-garanzija bankarja li tkun iddepożitat l-kumpanija tal-film, tiġi estiża biex tinkludi wkoll fiha serje ta’ passi legali li jistgħu jittieħdu biex jaċċertaw l-infurzar tar-regolamenti.

Ir-rapport jikkonkludi li jekk jiġi stabbilit li saret ħsara ambjentali fid-Dwejra, l-MEPA tkun f’pożizzjoni li tieħu passi legali kontra l-kumpannija Pellikola Ltd. Dan skont l-Avviż Legali 126 tal-2008 u permezz tal-faċilità legali li wieħed jista’ jieħu passi għal rimedju ta’ ħsara ambjentali minbarra l-azzjonijiet ċivili u kriminali.

Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco irringrazzja lill-Prof. Kevin Aquilina u lid-Dr. Simone Borg għax-xogħol tagħhom. Huwa qal li l-Gvern jaqbel mal-konklużjonijiet li fih ir-rapport. Ir-rapport issa qiegħed jiġi mgħoddi formalment lill-MEPA sabiex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet u l-proposti li hemm fir-rapport.

pr0049.pdfpr0049a.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow