FAĊILITAJIET SPORTIVI ĠODDA FIL-GOZO STADIUM
Il-faċilitajiet sportivi mogħtija mill-Gozo Stadium komplew jiġu msaħħa permezz ta’ 5-a-side pitch b’ħaxix sintetiku għal-logħob tal-futbol, flimkien ma’ spazju għal parkeġġ. Il-5-a-side-pitch ser ikun qed joffri alternattiva għal grawnd tat-turf naturali filwaqt li jżid l-ispazji għat-taħriġ u l-logħob f’dan l-istadium ewlieni fil-gżira ta’ Għawdex. Dan ser ikun qed jiffaċilita wkoll l-użu li jagħmlu minn dan l-istadium it-timijiet u n-nurseries li ġejjin minn erbatax-il klabb tal-futbol reġistrati f’Għawdex. Il-parkeġġ, li ser ikun jakkomoda madwar 75 vettura, ser jirriżulta f’aktar konvenjenza kemm għall-isportivi kif ukoll għad-dilettanti li jsegwu l-logħob u attivitajiet oħra li jiġu organizzati b’mod regolari f’dan l-istadium.
Dawn ix-xogħlijiet saru permezz ta’ ko-finanzjament bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Gozo Football Association (GFA) bl-għajnuna tal-Fond tal-Lotteriji Nazzjonali għall-Kawżi Ġusti.
Il-pitch il-ġdid u l-parkeġġ ġew inawgurati uffiċjalment mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex. Hija spjegat kif dawn ser ikunu qed isaħħu l-faċilitajiet sportivi fil-gżira ta’ Għawdex filwaqt li ser iservu wkoll bħala mezz ieħor li permezz tiegħu l-gżira ta’ Għawdex tibqa’ ssaħħaħ il-potenzjal li tiġbed interess u parteċipazzjoni mill-qasam sportiv internazzjonali. L-Onor Giovanna Debono fakkret xogħlijiet oħra li ġew inawgurati matul l-2010 li kienu jinkludu dressing-rooms ġodda, faċilitajiet għall-persuni tal-media u stands għall-ispettaturi. ‘Dan kollu qed jippermetti li tiġi mtejba l-kwalità tal-logħob f’Għawdex għall-benefiċċju kemm tal-isportivi kif ukoll tad-dilettanti sportivi Għawdxin’ qalet il-Ministru Debono.
Il-President tal-MFA, is-Sur Norman Darmanin Demajo flimkien mas-Sur Alvin Grech, President tal-GFA kienu wkoll preżenti għaċ-ċerimonja ta’ l-inawgurazzjoni.
Minbarra li tikkoordina l-logħob tal-futbol f’diversi kompetizzjonijiet f’Għawdex, il-GFA tippromwovi wkoll attivitajiet ma’ timijiet u assoċjazzjonijiet barranin. F’din l-aħħar sena l-faċilitajiet fil-Gozo Stadium intużaw minn tim Ungeriż li ġie għal sessjonijiet ta’ taħriġ bi preparazzjoni għat-turnament internazzjonali magħruf bħala l-VIVA World Cup. Ir-raba’ edizzjoni ta’ dan it-turnament ġiet organizzata f’Għawdex f’Mejju li għadda u għaliha attendew mhux anqas minn sitt timijiet barranin minn diversi pajjiżi Ewropej. Fix-xhur li ġejjin ser jinżammu training camps minn timijiet li ġejjin minn pajjiżi nordiċi. Huwa maħsub li l-5-a-side pitch iżid il-potenzjal ta’ dawn it-tip ta’ servizzi. Huma ppjanati wkoll proġetti li jsaħħu s-sostenibiltà tal-faċilitajiet f’dan l-istadium speċjalment fir-rigward tal-konservazzjoni tal-ilma u l-użu ta’ riżorsi ta’ enerġija rinovabbli, li huma wkoll marbuta mal-viżjoni eko-Għawdex.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003