STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U L-INVESTIMENT
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jibqa’ jinjora dak li qed jiġri fis-suq internazzjonali taż-żejt – skemi u inizjattivi biex il-familji jinvesti f’enerġija altnerattiva u energy vouchers għal min għandu bżonn l-aktar għajnuna.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jibqa’ jinjora li l-fuels użati f’Malta huma kollha impurtati minn barra u għalhekk il-prezzijiet li tixtri bihom Malta huma dettati minn ċirkostanzi internazzjonali. Għalhekk l-allegazzjoni ta’ Joseph Muscat li l-Gvern qiegħed jgħolli t-tariffi artifiċjalment hi infondata. M'hu l-ebda gost tal-Gvern li jara l-prezzijiet internazzjonali tal-fuels jiżdiedu għaliex jaf li dan ikollu impatt fuq pajjiżna. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jagħżel li jitkellem b’mod superfiċjali u għalhekk ma jipproponi l-ebda soluzzjonijiet konkreti li jirriflettu dak li għaddej fid-dinja u li jkollu impatt fuq Malta.
Fid-dawl taż-żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt il-Gvern qiegħed jieħu inizjattivi biex iħeġġeġ aktar familji juzaw l-enerġija bil-għaqal u jużaw aktar l-enerġija alternattiva. Dan itejjeb ukoll l-ambjent ta’ pajjiżna u jnaqqas mill-emissjonijiet:
• Min juża l-enerġija b’għaqal qed jingħata skont li jlaħħaq sa 25% fuq il-konsum tal-elettriku;
• Biex il-Gvern jgħin lill-familji jużaw aktar l-enerġija alternattiva, din is-sena l-Gvern qed jagħti għotja ta’ €560 lill-familji li jistallaw solar water heater fid-djar. Barra minn hekk, min jistalla solar water heater f’dar ġdida ma jħallas xejn fuq l-istallazzjoni tal-meter tal-elettriku
• 2,084 familja applikaw u bħalissa qed jistallaw panelli fotovoljatici fid-djar tagħhom. Kull familja ngħatat għotja li tlaħħaq sa €3,000 biex tibda tiġġenera l-elettriku fid-dar tagħha mix-xemx.
• Inizjattiva oħra biex il-familji jinvestu aktar f’PV’s hi l-feed in tariff ta’ €0.25c għal kull kWh, jiġifieri għal kull unit ta’ elettriku li jkun iġġenerat u mibjugħ lill-Enemalta għal perjodu garantit ta’ tmien snin. Fil-każ tal-familji Għawdxin il-Gvern bħala parti mill-viżjoni ta’ eko Għawdex qed jagħti feed-in tarrif ta’ €0.28c. B’dawn ir-rati l-familji jifdu l-investiment li jkunu għamlu f’aqsar żmien
• 41,000 applikant ingħataw għajnuna finanzjarja biex jinxtraw appliances ġodda għad-dar li jikkonsmaw anqas elettriku
• 130,000 familja ingħataw bozoz energy saving b’xejn. Taħt din l-iskema tqassmu miljun bozza energy saving b’xejn lill-familji
• Familji gawdew minn skemi ta’ roof insulation u double glazing għaliex anki dan jgħin biex jitnaqqas il-konsum tal-elettriku mill-familji
Dawn l-inizjattivi huma fost l-inizjattivi li ħa u qed jieħu l-Gvern biex jgħin lill-familji biex inaqqsu l-konsum tal-elettriku u b’hekk pajjiżna jiddependi anqas mill-fuels impurtati u l-effett taż-żieda fil-prezz internazzjonali tkun anqas.
Lill-familji l-aktar fil-bżonn il-Gvern qed jagħtihom energy voucher. 26,000 qed jieħdu dan l-energy voucher, li minn Lulju tas-sena li għaddiet żdied minħabba ż-żieda fil-prezz internazzjonali tal-gass. Minn Jannar inbidel u żdied it-test tal-mezzi biex aktar anzjani u familji li l-aktar għandhom bżonn għajnuna jgawdu mill-għajnuna massima tal-benefiċċji soċjali. Sar ukoll aġġustament tal-istess test biex il-COLA ma tneħħix l-għajnuniet fuq benefiċċji soċjali oħra. Dan filwaqt li l-pensjonanti reġgħu ingħataw żieda sħiħa fil-pensjoni daqs kemm jieħu l-ħaddiema.
Is-sidien ta’ negozji zgħar u medji, industrijalisti, lukandiera, bdiew u raħħala bbenefikaw minn skemi differenti fejn il-Gvern għenhom jinvestu aktar fl-enerġija alternattiva u jiġġeneraw l-elettriku mix-xemx.
Il-Gvern qiegħed jieħu aktar inizjattivi biex pajjiżna jiddependi anqas mill-fuel. Mill-Impjant ta’ Sant’Antnin li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien tant kontra l-proġett tal-immodernizzar se jibda jiġi ġenerat l-elettriku ekwivalementi għal kemm ikollhom bżonn 1,400 familja. 67,000 metru kwadru ta’ soqfa ta’ binjiet pubbliċi se jinksew b’aktar panelli fotovoltajiċi biex jiġi ġenerat l-elettriku mix-xemx. Se jsir l-interconecctor. Fethet l-ewwel skola f’Pembroke li fejn l-elettriku jiġi ġenerat mix-xemx u r-riħ. Fuq aktar minn 30 binja tal-Gvern ġew stallati panellii fotovoltajiċi.
Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni jagħżel li jkun superfiċjali f’dak li jgħid, il-Gvern qiegħed jagħżel li quddiem iż-żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt jieħu inizjattivi li jgħinu lill-familji biex inaqqsu mill-konsum tal-elettriku, jinvestu aktar fl-enerġija alternattiva u jgħin b’energy voucher, li żdied is-sena li għaddiet, għal dawk li l-aktar għandhom bżonn.
Il-kompetizzjoni fis-suq tal-gass – li Joseph Muscat ukoll kien kontra tagħha – qed tgħin biex jitrazzan l-effett tal-prezz internazzjonali fuq Malta. Is-suppliers qed jikkompetu bejniethom billi joffru lill-konsumaturi Maltin prezzijiet anqas minn dawk stabbiliti. Ghalkemm il-prezz barra qed jiżdied u dan għandu impatt fuq Malta, il-kompetizzjoni f’Malta qed taħdem favur il-konsumatur.
Il-Gvern qiegħed jindirizza l-effett ta’ dak li jiġri barra minn Malta u jkollu impatt fuq pajjiżna, b’inizjattivi konkretti.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003