IL-PRESIDENT GEORGE ABELA JAĦTAR LILL-PROFESSUR DAVID J. ATTARD BĦALA KANĊILLIER TAL-UNIVERSITÀ TA’ MALTA
Il-President George Abela llum ħatar lill-Professur David J. Attard bħala Kanċillier tal-Università ta’ Malta. Prof. Attard se jieħu post il-Professur John Rizzo Naudi li kien ilu jokkupa din il-kariga sa mit-8 ta’ Novembru 1995.
Il-Kanċillier tal-Università ta’ Malta jiġi maħtur mill-President fuq parir tal-Prim Ministru għal terminu ta’ seba’ snin.
Il-President George Abela rringrazzja lil Prof. Rizzo Naudi għan-nom tal-poplu kollu tal-impenn u d-dedikazzjoni tiegħu lejn l-ogħla kariga li għandha l-Università, u awgura lill-Kanċillier il-ġdid għall-impenn ġdid li aċċetta. “Il-Prof. Attard se jkollu l-opportunità, f’kuntatt maż-żgħażagħ, li jkompli jxettel il-valuri tal-bżulija u l-integrità u jkompli jinkoraġixxi l-libertà tal-ħsieb,” temm jgħid il-President Abela.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi awgura lil Prof. David J. Attard għall-ħatra tiegħu u sellem lil Prof. Rizzo Naudi għas-servizz li ta lill-Università tul il-ħmistax-il sena li għaddew. Huwa qal li l-Kanċillier jaqdi funzjoni importanti fil-ħarsien tal-ogħla istituzzjoni edukattiva ta’ pajjiżna.
Filwaqt li rringrazzja lill-President u lill-Prim Ministru tal-fiduċja tagħhom, il-Prof. Attard sostna li l-Università, b’popolazzjoni ta’ 11,000 student u 1,500 impjieg, qed tagħti kontribuzzjoni importanti lill-pajjiż. Huwa wiegħed li jkompli mal-ħidma sfiqa tal-predeċessuri tiegħu.
Il-Professur David J. Attard huwa Direttur tal-Istitut Internazzjonali tal-Liġi Marittima fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, u huwa awtorità internazzjonali fi kwistjonijiet ta’ liġi marittima internazzjonali. Kien ukoll Pro-Kanċillier u President tal-Kunsill tal-Università ta’ Malta.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003
pr0025a.pdf