Left arrow Go Back

MESSAĠĠ MILL-MINISTRU DOLORES CRISTINA, MINISTRU GĦALL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA FIL-FTUĦ TAS-SENA EWROPEA TAL-VOLONTARJAT

pr0020
Date Icon 06/01/2011

Fl-Ewropa kollha, din is-sena hi dedikata għall-Volontarjat. Hu kkalkulat li hemm aktar minn 100 miljun Ewropew ta' kull età, twemmin u nazzjonalità li jagħmlu l-volontarjat. Stħarrig tal-Ewrobarometru wera' li 3 minn kull 10 persuni Ewropej jgħidu li huma attivi f'xogħol ta' volontarjat u li qrib it-80 % tan-nies iħossu li l-attivitajiet volontarji huma parti importanti fil-ħajja demokratika fl-Ewropa.

Barra minn dan, is-settur tal-volontarjat jikkontribwixxi madwar 5% tal-prodott gross domestiku tal-ekonomiji tal- Istati Membri, u jiżviluppa azzjonijiet innovattivi biex jidentifika u jirreaġixxi għall-bżonnijiet li jitfaċċaw fis-soċjetà Ewropea.

F’Malta, aktar minn 27,000 persuna  huma impenjati fil-qasam tal-Volontarjat u jiddedikaw medja ta’ 23 siegħa fix-xahar għal dan ix-xogħol. Dan isir fil-qasam politiku, soċjali, reliġjuż, filantropiku, artistiku, kulturali, ambjentali u diversi oqsma oħra u ħafna drabi dan ix-xogħol  ma jiġix apprezzat biżżejjed.

Il-volontarjat huwa teżor għall-pajjiż li mingħajru s-soċjeta’ tagħna tiftaqar. Jattira nies li, mill-ġenerożita` tagħhom, jagħtu ħinhom, il-kapaċitajiet tagħhom u ħafna drabi flushom għal kawżi li jħossu li huma għal qalbhom. Dan mhux biss fil-qasam soċjali, imma anki f’diversi oqsma oħra.

Mhux kollox jitkejjel bil-flus fid-dinja. Il-flus mhumiex il-kriterju ta’ kollox. Il-volontarju jibqa’ impenjat f’dinja materjali, konsumista u ħafna drabi insensittiva għall-valuri “soċjali u spiritwali” fis-sens wiesgħa tal-kelma.

Għalkemm il-volontarjat ma jitkejjilx bil-flus, dan ma jfissirx – jew m’għandux ifisser – li hu nieqes mill-professjonalita`. Spiss tingħata l-impressjoni li l-volontarjat hu għad-dilettanti biss; u d-dilettantiżmu jiġi assoċjat man-nuqqas ta’ serjeta` professjonali. Dawn hu żbaljat. Il-volontarjat għandu dejjem ikun professjonali; u ħafna drabi hekk hu. Il-fatt li ma jsirx għall-flus jew bi ħlas ma jnaqqaslu xejn mill-professjonalita` tiegħu.

Hi responsabbilta` tal-Gvern li jara li dan hu dejjem il-każ, jiġifieri li l-għaqdiet voluntarji, speċjalment dawk soċjali, iżommu l-livelli professjonali li wieħed għandu jistenna. Il-Liġi tal-Volontarjat għandha, fost ħwejjeġ oħra, dan l-iskop ... skop nobbli u importanti għall-għaqdiet voluntarji nfushom, imma fuq kollox għall-“klijenti” jew benefiċjarji ta din il-ħidma.

Il-Gvern jgħin kemm jista’  lill-għaqdiet voluntarji u jħeġġiġhom, mhux biss li jkunu professjonali fil-ħidma tagħhom, imma li jkunu responsabbli  għat-tħaddim tar-riżorsi li jista’ jkollhom, inkluż dawk finanzjarji. Il-ħarsien tal-kontabilita` hu fost l-aqwa dmirijiet fil-ħidma volontarja għax in-nuqqas tiegħu mhux biss jista’ jiżvantaġġja l-benefiċjarji rispettivi tas-servizz, imma ukoll jagħmel disrispett lill-għaqdiet voluntarji oħra li jżommu l-kontabbilta – umana u finanzjarja – fost il-kwalitajiet essenjali tagħhom.

Aħna nagħrfu l-kontribut multidimensjonali li l-volontarjat jagħti lis-soċjetà għax hu fattur ewlieni ta’ ċittadinanza attiva fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej. Għal bosta individwi, l-attività tal-volontarjat hija espressjoni personali tal-kunċetti tal-koeżjoni soċjali u tal-kapital soċjali u hi, fl-aktar forma ġenwina tagħha, ċittadinanza “attiva”.

Għalhekk din is-sena, il-Gvern mhux biss qed jimpenja ruħu li jkompli jsaħħaħ dan il-qasam imma biex ikun jista’ jgħin aktar u juri l-apprezzament tiegħu għall-ħidma volontarja, ivvota aktar minn €5 miljuni biex jgħin fi proġetti f’dan il-qasam u lill-għaqdiet volontarji.

Il-volontarjat hu importanti ħafna b’relazzjoni mal-kapaċità tal-individwi li jimpjegaw ruħhom u mat-tagħlim tul il-ħajja. Dan hu mezz sbiex tkun imħeġġa wkoll il-koeżjoni soċjali.

Ħafna drabi il-Volontarjat jagħti kontribut lill-ekonomija lokali, reġjonali u nazzjonali bħala fattur influwenti fl-investiment u fil-ħolqien tal-impjiegi.

Il-volontarjat, speċjalment dak soċjali, mhuwiex kapriċċ jew xi ħaġa żejda. Fih innifsu juri s-sugu tal-ġenerożita` skont il-prinċipji tas-solidarjeta. Dan il-prinċipju jitħaddem mhux ta’ bilfors, jiġifieri minn xi dmir li timponi l-liġi, imma biss mir-responsabbilta morali li tħoss il-qalb umana għal ħaddieħor. Dan hu s-siwi kbir u indispensabbli tal-volontarjat.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow