ĦIDMA EFFETTIVA MILL-KORP TAL-PULIZIJA FI ŻMIEN IL-FESTI
Il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Carm Mifsud Bonnici, jikkongratula lill-membri tal-Korp tal-Pulizija għall-ħidma effettiva li wettqu tul il-perijodu tal-festi li wasslet sabiex ma jkunu reġistrati ebda inċidenti gravi la fil-postijiet ta’ divertiment u lanqas fit-toroq ta’ pajjiżna.
Il-Ministru jirringrazzja lill-uffiċjali kollha u t-tmexxija tal-Korp talli mhux biss ħadu l-passi kollha meħtieġa sabiex ikun hemm il-ħarsien tal-liġi permezz ta’ azzjonijiet ta’ infurzar tajbin, iżda anke ħadmu fuq pjan effettiv ta’ prevenzjoni u edukazzjoni sabiex il-pubbliku ma jabbużax, speċjalment f’dak li huwa sewqan taħt l-influwenza tax-xorb alkoħoliku. Ma hemmx dubju li dan il-pjan ħadem sew u ħalla l-frott mixtieq.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern ifakkar li f’Lulju tas-sena 2010 kien daħħal fis-seħħ numru ta’ emendi fil-liġi li kienu intiżi sabiex iżidu s-sigurtà fit-toroq billi jdaħħlu deterrent effettiv għas-sewqan perikoluż meta s-sewwieq ikun taħt l-influwenza tax-xorb.
Dawn kienu jinkludu:
• Persuna li tirrifjuta jew tonqos milli tagħti kampjun meħtieġ issa tkun ħatja ta’ reat u sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju, titqies li l-proporzjoni ta’ alkoħol fid-demm ta’ dik il-persuna kien iżjed mil-limitu preskritt.
• Il-piena għal min jinqabad isuq xurban żdiedet minn €465.87 għal €1,200
Permezz ta’ din l-għodda ġdida, tul il-perijodu tal-festi l-Korp tal-Pulizija waqqaf 25 persuna li kienu qed isuqu meta kellhom livell ta’ alkoħol eċċessiv fid-demm u li ser ikunu qed jittieħdu l-passi kontrihom skont il-liġi.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003