MEWĠA QAWWIJA TAL-INFLUWENZA
Kif tħabbar fil-jiem li għaddew, bħalissa pajjiżna qed jintlaqat minn mewġa qawwija tal-influwenza. Kif mistenni, din is-sitwazzjoni ħolqot pressjoni fuq is-settur tas-saħħa, partikolarment fuq id-Dipartiment tal-Emerġenza. Bħala medja aktar minn 300 persuna kuljum qed jingħataw trattament u kura f‘dan id-Dipartiment.
Id-Diviżjoni tas-Saħħa l-bieraħ fil-għaxija għamlet arranġamenti mas-settur privat tal-anzjani sabiex 18-il persuna jiġu trasferiti mill-Isptar Mater Dei għal faċilitajiet fil-privat li magħhom il-Gvern kellu kuntratti fl-iskema ta' Public Private Partnership.
Il-Ministeru tas-Saħħa jirringrazzja lill-istaff tal-Isptar Mater Dei li qed jagħtu servizz indispensabbli lill-pazjenti. Il-Ministeru jirringrazzja wkoll lis-sezzjoni tat-Trasport, kif ukoll lis-settur privat, għar-rispons professjonali li permezz tiegħu setgħu jiġu trasferiti dawn il-pazjenti.
Filwaqt li l-Ministeru jiskuza ruħu mal-pazjenti u l-qraba tagħhom għall-inkonvenjent li seta’ kkawża dan it-trasferiment, jirringrazzja lill-pubbliku tal-koperazzjoni li qed juri u għal darboħra jappella għall-prudenza u l-prekawzjoni sabiex l-influenza ma tkomplix tinfirex aktar.
Kull persuna għandha tieħu il-prekawzjonijiet li ġejjin biex tgħin biex l-influwenza ma tinxteridx:
- Tevita l-folol f’postijiet pubbliċi, speċjalment fil-magħluq.
- Taħsel u tiddiżinfetta jdejha spiss jew tuża hand gel.
- Tiekol sustanzjuż – partikolarment frott u ħaxix.
- Tixrob ħafna ilma.
- Tarmi jew tiddisponi minn tissues u mkatar b’mod adegwat biex il-virus ma jinxteridx u dan b’rispett lejn ħaddieħor ukoll.
- F’każ ta’ mard tikkuntatja lit-tabib tal-familja jew Ċentru tas-Saħħa mill-aktar fis possibbli.
Huwa importanti wkoll li tfal morda ma jintbagħtux l-iskola.
Il-Ministeru jfakkar wkoll li min ma ħax il-vaċċin għall-influwenza, għadu jista’ jieħu din it-tilqima biex jilqa’ kontra l-influwenza.
L-influwenza għandha l-ewwel tiġi trattata mit-tabib tal-familja jew taċ-Ċentri tas-Saħħa. Huma t-tobba tal-familja jew taċ-Ċentri tas-Saħħa li jiċċertifikaw u joħorġu riferta f’każ li persuna jkollha bżonn tmur id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Fid-Dipartiment tal-Emerġenza l-ewwel jiġu eżamitati l-pazjenti u l-persuni li l-kundizzjoni tagħhom tkun aktar serja.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003