IL-MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, L-ONOR. JOE CASSAR JATTENDI GĦALL-INIZJATTIVA HEALTHY LIVING KIDS
pr2364
17/12/2010
| Il-Ministru tas-Saħħa, | l-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Joe Cassar, l-Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, l-Onor. Stephen Spiteri u l-Kummissarju tat-tfal, Helen D’Amato kellmu lit-tfal tas-sitt sena tal-iskola primarja ta’ Santa Venera fuq l-importanza ta’ stil ta’ ħajja b’saħħtu minn eta’ żgħira. |
| Il-Messaġġ | tal-Ministru Cassar: |
| Hemm ħaġa waħda li | lilna tgħaqqadna kollha flimkien, bl-istess għan aħħari. Dan huwa l-ġid u s-saħħa ta’ wliedna. Huwa għalhekk li llum, bħalma ġara f’okkażjonijiet oħra, l-Onor. Spiteri qed jirrappreżenta lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja f’attività organiżżata mid-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa. Preżenti wkoll magħna llum il-Kummissarju tat-tfal, is-Sinjura Helen D’Amato. |
| Illum se nitkellmu | fuq problema serja li qed taħkem lill-uliedna – il-ħxuna. Sfortunatament, bosta studji kemm lokali kif ukoll internazzjonali wrew li maż-żmien numru akbar ta’ tfal Maltin qed iżidu fil-piż. Il-Health Behaviour Schoolage Children Survey, li sar fl-2006, wera li ħmistax (15) fil-mija tat-tfal ta’ madwar tlettax-il sena huma kkunsidrati obeżi. Statistika oħra mill-International Obesity Task Force (IOTF) turi li aktar minn ħamsa u tletin (35) fil-mija tat-tfal Maltin bejn 7 u 11-il sena għandhom piż żejjed jew huma obeżi. Filwaqt li l-European Children Obesity Survey (ECOSI) li sar fl-2008 fuq tfal ta’ bejn 6 u 7 snin wera li tnejn u tletin (32) fil-mija tas-subien u bniet għandhom piż żejjed jew huma obeżi. |
| Dawn il-figuri huma | inkwetanti. Bħalissa qeda tiġi mfassla l-istrateġija nazzjonali tal-obeżità. Kollha kemm aħna nafu li l-ħxuna fit-tfal tista’ twassal għall-problemi. L-obeżità, anke fit-tfal, twassal għal pressjoni għolja u kolesterol għoli fid-demm; dijabete tat-tip 2; ażma, problemi fin-nifs waqt l-irqad u diskriminazzjoni soċjali fost it-tfal u ż-żgħażagħ. Hu magħruf ukoll li tfal bil-piż żejjed għandhom riskju ikbar fejn jidħlu problemi ta’ saħħa marbuta mal-piż żejjed matul il-ħajja adulta tagħhom. |
| Għaldaqstant huwa | importanti ħafna li minn eta’ żgħira, t-tfal ikunu megħjuna jaddottaw stil ta’ ħajja b’saħħtu. Ħajjitna hija kollha magħmula minn għażliet. Lill-uliedna rridu nippreparawlhom ikliet u snacks nutrittivi u mhux l-aqwa li jieklu xi ħaġa. Iridu jnaqqsu l-ħin iddedikat f’attivitajiet sedentarji u jinvolvu ruħhom aktar f’attivitajiet fiżiċi li xorta jagħtuhom gost. |
| Matul iż-żmien saru | bosta sforzi mill-oqsma tal-Edukazzjoni u tas-Saħħa f’dan ir-rigward. Fost dawn insemmu l-inizjattivi li saru u li għadhom isiru sal-llum minn żmien għal żmien fl-iskejjel fuq l-inizzjattiva tal-iskola individwali; kif ukoll il-‘HELP Policy’ – dokument li daħal fis-seħħ f’Jannar 2007 mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni sabiex it-tfal fl-iskejjel ikunu offruti ikel bnin fit-tuckshops tal-iskola u fejn ingħataw linji ta’ gwida għal ġenituri u l-għalliema dwar l-ikel ġewwa l-iskejjel. Hu magħruf li l-iskejjel kollha tal-Istat kif ukoll bosta skejjel mhux tal-Istat qegħdin iħabirku sabiex jimplimentaw dan id-dokument fl-iskola rispettiva tagħhom. |
| Sforz ieħor li ġie | fis-seħħ is-sena skolastika li għaddiet, kienet l-iskema tal-frott u tal-ħaxix fl-iskejjel (School Fruit Scheme) fejn kien involut il-Ministeru tal-Agrikoltura, bl-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea. Din l-iskema qegħda titkompla għal din it-tieni sena skolastika konsekuttiva. Kif qegħdin naraw l-iskejjel joffru opportunitajiet sabiex jippromwovu konsum ta’ ikliet li jipproteġu s-saħħa fit-tfal. L-Iskejjel jistgħu wkoll joffru aċċess fejn kemm il-ġenituri kif ukoll il-komunità tista’ tingħaqad sabiex jaddottaw modi tajbin ta’ kif jittieklu ikliet li jipproteġu s-saħħa. |
| Illum bi pjaċir | iltqajna sabiex bl-għajnuna tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard ngħinu lilkom ġenituri sabiex tikkontrollaw il-piż tat-tfal tagħkhom. Nittama li din l-għajnuna tkun il-bidu ta’ aktar ħidma fil-futur sabiex il-problema tal-ħxuna titnaqqas b’mod sostanzjali sabiex ikollna ġenerazzjonijiet Maltin aktar b’saħħithom. Fl-istess ħin spejjeż li bħalissa qed jintefqu fit-trattament tal-mard marbuta mal-obeżità jistgħu jiġu ffrankati u wżati band’oħra. |
| Fuq livell personali, | naf kemm huwa diffiċli li tibda tieħu ħsieb ta’ saħħtek u titlef il-piż. Huwa ferm aktar diffiċli li dak il-piż li titlef ma terġax ittellgħu fi żmien qasir. L-Ingliżi jgħidu “You have to be cruel to be kind”. Fejn tidħol is-saħħa ta’ wliedna, din hija verità sagrosanta. Jekk se nitħassru lill-uliedna u ntuhom dak l-ikel li jridu jew għax issa l-bard ma joħorġux jilgħabu barra, mela se nħassru lill-uliedna u se jiddispjaċina bil-kbir. |
| Stil ta’ ħajja san, | għandu jkun l-istil ta’ ħajja tal-familja KOLLHA. Ħbieb, l-eżempju jkaxkar, u jekk uliedna jaraw lilna nieħdu ħsieb saħħitna, se jitħajjru huma wkoll. Jekk inħobbu lill-uliedna, u m’għandix dubju fuq dan, mela ejjew nibdew mill-lum inrawwmu fihom drawwiet tajbin u mhux vizzji koroħ. |
| Minn qalbi | nawguralkom il-festi t-tajba. |
Grazzi
L-Onor. Spiteri kellem lit-tfal fuq l-importanza ta’ ikel nutrittiv u eżerċizzju fiżiku, fil-waqt li s-Sinjura D’Amato kellmithom ukoll fuq l-effetti soċjali tal-ħxuna fosthom il-bullying.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003