Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-GĦELUQ TAL-EWWEL ASSEMBLEA ĠENERALI TAL-MALTA DOCKERS UNION - IL-FURJANA – IT-TLIETA, 23 TA’ NOVEMBRU 2010

pr2175
Date Icon 23/11/2010
Sur President,Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni, Mistiedna Distinti, Sinjuri,
Ilqajt bi pjaċir l-istedinatal-Malta Dockers Union biex nagħlaq din l-ewwel Assemblea Ġenerali. Laqgħa li mhux biss toffri l-opportunità li nirriflettu fuq qasam tant importanti għall-ekonomija imma hi okkażjoni li tagħtini l-opportunità li f’isem il-Gvern nirringrazzjakom tax-xogħol kollu tagħkom.
Xogħolkom huwatabilħaqq ħolqa importanti fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Fuqu mhux biss tiddependi ħafna mill-attività ekonomika, imma wkoll eluf ta’ postijiet tax-xogħol. Il-Gvern u l-poplu jirrikonoxxi l-kontribut tagħkom u kommessi li nkomplu nkunu ta’ sostenn għalikom, għall-familji tagħkom u għall-industrija.
Il-Malta DockersUnion u din l-Assemblea Ġenerali jgħinuna nirriflettu fuq żewġ oqsma kruċjali għall-ekonomija Maltija – ir-riformi u s-settur marittimu.
Meta nħarsu lura lejnit-twaqqif tal-Malta Dockers Union naraw li din l-union twaqqfet biex tilqa’ għall-isfidi tar-riformi li kien hemm bżonn isiru. Riformi li l-ħaddiema ma beżgħux minnhom imma li għarfu l-opportunitajiet li din l-isfida kienet se toffri.
Irridu għalhekk bħalapoplu nimxu fuq dan l-eżempju u nkomplu naraw l-opportunitajiet li joffru r-riformi. Opportunitajiet li jistgħu ma jkunux fil-futur immedjat. Iżda r-responsabbiltà politika u l-għaqal fit-tmexxija jitolbu li nħarsu fit-tul, u għall-ġid ta’ kulħadd.

Sinjuri,

Ir-riformatal-portijiet li saret fl-2007 hija biss ħolqa waħda minn katina sħiħa ta’ riformi li wettaqna tul is-snin u li qed inwettqu.
Il-poplu Malti dejjemwera li ma jaqtax qalbu quddiem l-isfidi li jiġu quddiemu. Flimkien, anke kontra l-kurrenti u l-mewġ, wettaqna riformi importanti għal pajjiżna. Riformi li għenu lil pajjiżna jaffronta din il-kriżi globali. Ir-riżultati li qed tikseb Malta quddiem dawn l-isfidi għandhom ikomplu jimluna bil-kuraġġ biex inkomplu fil-proċess ta’ riformi importanti. Rata ta’ tkabbir aktar mgħaġġla mill-medja tal-Unjoni Ewropea u taż-żona ewro, ir-raba’ lanqas rata ta’ qgħad, sena rekord fit-turiżmu u l-investiment barrani li qed jiġi f’pajjiżna huma ċertifikat ta’ dawn ir-riformi. Ċertifikati li ġew konfermati minn aġenziji barranin li filwaqt li ma ddejqux iċanfru pajjiżi oħra talli ma wettqux riformi neċessarji fil-passat, urew il-fiduċja tagħhom f’pajjiżna u wisq aktar fil-prospetti futuri.
Id-dħul ta’ Maltafl-Unjoni Ewropea, id-dħul fiż-żona ewro u aktar riċenti r-riforma fil-liġi tal-kera, fit-tarznari u fit-trasport pubbliku huma kollha riformi li se jkomplu jgħinu lil pajjiżna jsir aktar flessibbli u aktar kapaċi jilqa’ għall-isfidi ta’ għada. Sfidi li mhux se jieqfu. L-importanti hu li nkunu kapaċi nagħrfu l-isfidi u nieħdu d-deċiżjonijiet b’mod responsabbli u għaqli.
Biżżejjed insegwul-aħbarjiet u naraw il-prezz għoli li pajjiżi ġirien tagħna, qed ikollhom iħallsu. Prezz għoli li jista’ jitkejjel fit-tnaqqis fl-investiment, bit-tnaqqis fil-postijiet tax-xogħol, biż-żieda fil-qgħad, tnaqqis ta’ benefiċċji soċjali u tnaqqis fl-investiment fl-edukazzjoni. Prezz li jitħallas mill-familji, mill-ħaddiema u miż-żgħażagħ.
Min-naħa l-oħrar-riżultat tar-riformi li wettaqna tul is-snin u li qed inwettqu bħalissa huwa rifless fiż-żieda fl-investiment u fil-ħolqien tax-xogħol. Biżżejjed inħarsu lejn ir-riformi li wettaqna fis-settur marittimu.
Filwaqt lir-riċessjoni f’pajjiżi oħra fissret telf ta’ eluf ta’ impjiegi f’ħafna portijiet, f’Malta kellna żieda fl-investiment. Il-privatizzazzjoni tal-Freeport sitt snin ilu wasslet għal żieda ta’ 200 post tax-xogħol ġdid, investiment ta’ €120 miljun li se jiżdied b’€95 miljun oħra fis-snin li ġejjin. Ir-riforma fil-portijiet li saret fl-2007 biex tirrifletti l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna fetħet opportunitajiet ġodda ta’ investiment u ta’ xogħol.
Permezz ta’ dinir-riforma l-Valletta Gateway Terminal ukoll żdiedet l-investiment u l-ħaddiema magħha b’aktar minn 20%. Ir-riformi li wettaqna aktar riċenti fis-settur marittimu u li jinkludi l-privatizzazzjoni tal-yacht marinas u tat-tarznari jikkumplimentaw ir-riformi l-oħra biex ikomplu jsaħħu dan is-settur tant importanti għal pajjiżna filwaqt li joħolqu aktar xogħol produttiv u investiment.
Bis-sehem li tat il-MaltaDockers Union kien possibbli li jiżdied l-investiment f’pajjiżna biex jiġi konsolidat ix-xogħol tal-ħaddiema liċenzjati tax-xatt u biex it-terminals tagħna jibqgħu kompetittivi u joffru s-servizz mitlub mis-sidien tal-vapuri. Bis-saħħa ta’ din ir-riforma rajna l-Malta Dockers Union issir strument importanti fit-tkabbir u fil-kompetittività ta’ dan is-settur. Mhux biss inħoloq aktar xogħol għall-ħaddiema imma din l-Union qiegħda tinvesti fit-taħriġ tal-ħaddiema. Flimkien mal-MCAST qed tinvesti fil-kapaċitajiet tal-ħaddiema Maltin li jkomplu jagħmlu l-portijiet tagħna qasam importanti għall-ekonomija Maltija. Mijiet ta’ ħaddiema attendew u qed jattendu għal dawn il-korsijiet li fetħulhom opportunità li jaħdmu bħala Tug Master Drivers fuq it-terminals tal-Port Ħieles.

Sinjuri,

Il-baħar huwa partimill-identità tagħna l-Maltin u tal-ekonomija Maltija. Tul is-snin il-baħar għaqqadna mal-bqija tad-dinja u jibqa’ ħolqa importanti fil-kummerċ globali. Il-Gvern jemmen fil-potenzjal li dan is-settur jista’ jkompli joffri lil pajjiżna. Irriduh li jkompli joffri opportunitajiet ta’ investiment u ta’ ħolqien tax-xogħol. Il-viżjoni tal-Gvern għal dan is-settur hu li s-settur privat ikompli jkun xprun importanti b’investiment f’oqsma differenti u l-Gvern joħloq ambjent li jkattar dan l-investiment.
Is-settur marittimuhuwa parti mill-istorja ta’ pajjiżna. Settur li kiber u żviluppa skont iċ-ċirkustanzi u l-ħtiġijiet preżenti u futuri ta’ pajjiżna. Settur li ġie riformat u intom il-ħaddiema għaraftu l-opportunitajiet li jeżistu fir-riformi importanti.
Is-suċċess ta’pajjiżna jiddependi fuq il-kuraġġ tagħna li ngħarfu l-bżonn li nbiddlu fejn ikun meħtieġ. It-tibdil mhux biss jagħmel l-ekonomija aktar flessibbli imma joħloq aktar xogħol u aktar investiment.
Ninnota wkollil-parteċipazzjoni attiva tal-Union tagħkom fl-isfera internazzjonali bħala membri tal-International Dockworkers Council. Din isservi lill-Union biex tkun aġġornata ma’ dak li qed jiġri f’portijiet oħra.
Filwaqt linirringrazzjakom tal-kontribut tagħkom tul is-snin nixtiqilkom aktar ħidma u suċċessi għall-benefiċċju ta’ pajjiżna u tal-ħaddiema.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow