Left arrow Go Back

SWIEQ LI JAĦDMU AĦJAR: INSAĦĦU L-FIDUĊJA BEJN IL-KONSUMATURI U N-NEGOZJI

pr2168
Date Icon 22/11/2010
Ippreżentat l-Abbozzta’ Liġi għat-twaqqif tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur.
Il-Gvern illumippreżenta l-Abbozz ta’ Liġi li permezz tiegħu se titwaqqaf l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi, li se jitressaq għall-ewwel qari fil-Parlament aktar tard illejla, saret konsultazzjoni wiesgħa bi preżentazzjoni lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, u b’numru ta’ laqgħat individwali ma’ korpi kostitwiti, imsieħba soċjali, u mal-Għaqda tal-Konsumatur. Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni ilu għaddej minn Lulju.
Il-preżentazzjonital-Abbozz ta’ Liġi saret waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur u Kompetizzjoni Ġusta Chris Said, li fisser it-tfassil tiegħu bħala t-twettiq ta’ wegħda elettorali oħra.
Chris Said qal li l-għanaħħari tal-Awtorità l-ġdida hu li s-swieq f’Malta jaħdmu aħjar fl-interess tal-konsumatur u tas-sidien tan-negozji. “Permezz ta’ din il-liġi irridu nsaħħu s-sinergija bejn il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u l-promozzjoni ta’ prattiċi tan-negozju tajbin, u l-interessi tal-konsumatur.”
Is-SegretarjuParlamentari esprima t-twemmin tal-Gvern li “l-konsumatur Malti għandu dritt ikun infurmat tajjeb b’tali mod li jħossu komdu meta jiġi biex jagħmel l-għażliet tiegħu. F’pajjiżna jrid ikollna sitwazzjoni fejn il-konsumaturi u s-sidien tan-negozji jkollhom fiduċja akbar f’xulxin u fl-Awtorità l-ġdida li se tkun hemm biex tappoġġjahom it-tnejn.”.
Kif joħroġ mid-diskorstal-Budget 2011, l-Awtorità Maltija dwar il-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur se jkollha ħames miri ewlenin:
(a)li tippromwovi u ssaħħaħ il-Politika tal-Kompetizzjoni;
(b)li tippromwovi u ssaħħaħ il-Politika tal-Konsumatur;
(ċ)li taġixxi bħala l-korp nazzjonali dwar l-istandards u tipprovdi servizzi relatati mal-għemil tal-istandards;
(d)li tipprepara u timplimenta l-istrateġija nazzjonali tal-Metroloġija;
(e)u li tiżgura li t-trasposizzjoni u l-adozzjoni ta’ regolamenti tekniċi ssir mingħajr xkiel.
It-twaqqif ta’ din l-Awtorità se jfisserl-amalgamazzjoni ta’ tliet entitajiet li sal-lum kienu jikkontribwixxu b’mod indipendenti għall-ħarsien tal-konsumatur. Dawn huma d-Dipartiment tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni, l-Awtorità Maltija għall-Istandards u l-Laboratorju Nazzjonali. L-Awtorità l-ġdida se tutilizza r-riżorsi kollha, inklużi umani, ta’ dawn it-tliet entitajiet. Għaldaqstant mhux se tkun tinħtieġ żieda fl-ispiża rikorrenti tal-Gvern.
L-Awtorità ser tkun presjeduta minn Bord ta’Gvernaturi li se jkun responsabbli mill-formulazzjoni tal-politika tal-Awtorità. Il-Bord irid jiggarantixxi l-indipendenza tal-erba’ entitajiet fi ħdan l-Awtorità li huma:
(i) l-Uffiċċjughall-Kompetizzjoni – Dan se jkollu l-għan li jħares kontra prattiċi restrittivi u anti-kompetittivi fis-suq bejn operaturi differenti, li jħares kontra l-abbuż ta’ dominanza u jikkontrolla konċentrazzjonijiet, u li jassigura li l-kompetizzjoni tiġi kkunsidrata fit-tfassil ta’ leġislazzjoni, policies u prattiċi amministrattivi fis-Settur Pubbliku.
(ii) l-Uffiċċjugħall-Affarijiet tal-Konsumatur – Dan ser jiffoka fuq medjazzjoni bejn il-konsumatur u n-negozjant, fuq informazzjoni u edukazzjoni, fuq trasparenza fil-prezzijiet, fuq il-promozzjoni ta’ prattiċi tan-negozju tajbin, fuq infurzar pubbliku kontra prattiċi ta’ negozju mhux ġusti u klawsoli mhux ġusti f’kuntratti, u se jassigura li jiġu mħarsa l-interessi tal-konsumatur fit-tfassil ta’ leġislazzjoni, f’policies u fi prattiċi amministrattivi fis-Settur Pubbliku.
(iii) id-Diviżjoni dwarir-Regolamenti Tekniċi – Din ser tiffoka fuq armonizzazzjoni teknika, analiżi ta’ konformita’, moviment ħieles ta’ prodotti, u sorveljanza tas-suq. Se tassigura li fis-suq jitpoġġew prodotti sikuri biss, u se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar is-Servizzi.
(iv) l-Istitutdwar l-Istandards u Metroloġija – Dan se jieħu ħsieb it-tfassil ta’ standards, il-kwalità u l-kejl, iċ-ċertifikazzjoni, il-metroloġija industrijali, l-infurzar tal-Metroloġija Legali u l-immanniġġjar u l-operazzjonijiet tal-Laboratorju Nazzjonali.
Dawn l-erba’ entitajietse jkollhom rwoli u funzjonijiet partikolari. Kull waħda mill-entitajiet ser ikollha s-setgħa ta’ deċiżjoni separata u distinta mill-Bord tal-Awtorità u mill-entitajiet l-oħra. Kull entità se titmexxa minn Direttur Ġenerali filwaqt li se jkun hemm numru ta’ direttorati bi rwoli speċifiċi.
Bidliet importantioħra

1.      Il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur u t-Tribunal tal-Konsumatur se jibqgħu jiffunzjonaw kif inhuma. Madanakollu se jkunu rduppjati l-ammonti ta’ danni morali li t-Tribunal se jkun jista’ jagħti.

2.      It-Tribunal tal-Appell dwar il-Kompetizzjoni u l-Konsumatur se jieħu post il-Bord tal-Appelli għall-Konsumatur u l-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust. Għaldaqstant Tribunal wieħed se jieħu post tnejn bil-vantaġġ li tkun żgurata veduta ħolistika tas-suq.

3.      Se jissaħħu l-garanziji proċedurali fil-Liġi dwar il-Kompetizzjoni.

·    Se jkun kjarifikat kif ser jiġu trattati l-ilmenti.

·    Qabel tingħata deċiżjoni finali mid-Direttur Ġenerali, l-intrapriżi kkonċernati se jkollhom id-dritt li jsemmgħu leħinhom u jqajmu oġġezzjonijiet.  

·    Se jingħata d-dritt sħiħ tal-appell mid-deċiżjonijiet tad-Direttur Ġenerali quddiem it-Tribunal tal-Appell dwar il-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur.

·    Mid-deċiżjonijiet ta’ dan tal-aħħar ser ikun hemm dritt ta’ appell fuq punt ta’ liġi.

4.      Se jissaħħaħ l-effett ta’ deterrent fil-liġi.

·    Id-Direttur Generali, f’kull każ li jkollu quddiemu, jista’ jagħti deċiżjoni finali u jimponi multi amministrattivi.

·    F’każijiet urġenti, id-Direttur Ġenerali se jkollu s-saħħa li joħroġ miżuri proviżorji sakemm tittieħed deċiżjoni finali.

·    Ser insaħħu wkoll il-possibilità li dawk li jsofru danni minħabba ksur tal-liġi jistgħu jagħmlu kawża għad-danni bis-saħħa ta’ artikolu apposta għal dan il-għan fil-liġi.

·    Se jiddaħħal il-kunċett ta’ ilment li jolqot l-interess generali – entitajiet kwalifikati jistgħu jagħmlu ilment dwar aspett ta’ suq partikolari li jkun qed jagħmel ħsara lill-interessi tal-konsumatur. Id-Direttur Ġenerali se jkun obbligat li jagħti risposta dwar x’azzjoni jkun bi ħsiebu jieħu fi żmien definit bil-liġi.

5.      Se jitħaffu l-proċeduri li għandhom iwasslu biex id-deċiżjonijiet jittieħdu b’aktar effiċjenza.

6.      Intrapriżi li jammettu l-involviment tagħhom f’cartels se jkollhom il-possibilità li jgawdu minn tnaqqis fil-pieni.

7.      Id-Direttur Ġenerali se jkun jista’ joħroġ ittri gwida fuq kwistjonijiet jew sitwazzjonijiet ġodda li jkunu għadhom qatt ma ġew deċiżi.

8.      Fir-rigward tal-Liġi dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur:

·    Bil-ħsieb li jkunu inkoraġġati prattici tan-negozju tajbin, id-Direttur Ġenerali se jkollu l-poter li japprova kodiċi ta’ mġieba u jipprovdi għall-użu simbolu uffiċjali maħsub biex juri li l-kodiċi ta’ imġieba huwa approvat mid-Direttur Ġenerali;

·    Twessgħu il-poteri tal-Uffiċċju tal-Konsumatur bit-tir li dan jilħaq l-għan tiegħu bħala għassies tal-interessi tal-konsumatur. Fost l-oħrajn iddaħħlet il-possibilità li l-Uffiċċju jistudja swieq jew attivitajiet kummerċjali partikolari u li jirrakkomanda rimedji fejn dawn ma jkunux qed jiffunzjonaw fl-aħjar interess tal-konsumatur.

·    Anki f’dan il-każ se jkun possibbli li entità kwalifikata tressaq ilment ta’ interess ġenerali.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said ħabbar ukoll li se jibda’ l-proċess biex titfassal liġi ad hoc dwar class actions.

Kopja tal-Abbozz ta’ Liġi tista’ titniżżel mis-sit elettroniku www.opm.gov.mt/konsumatur. Suġġerimenti jistgħu jintbagħtu b’email fuq konsumatur.opm@gov.mt.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow