STUDENTI TAL-ISKOLA JSIRU JAFU IKTAR DWAR IL-ĦIDMA TAL-MINISTERU TAL-AFFARIJIET BARRANIN
Grupp ta’ studenti tfajliet mill-iskola tas-Sacred Heart għamlu żjara fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-Ministeru jiftaħ il-bibien tiegħu b’mod regolari sabiex jilqa’ fi ħdanu studenti minn diversi skejjel tal-Gvern, privati u tal-knisja. Dan bil-għan li jsiru jafu iktar dwar il-ħidma li titwettaq minn dan il-Ministeru u dwar il-bini li jospitah.
L-istudenti tar-raba’ sena sekondarja tas-Sacred Heart kellhom ukoll l-okkażjoni li jiltaqgħu u jkunu indirizzati mill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, Dr Tonio Borg. Huwa spjega li l-miri tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin huma varji. Fosthom insibu li kull ċittadin Malti jħossu komdu u moħħu mistrieħ li għandu l-għajnuna tal-Gvern f’każ ta’ xi saram meta jkun msiefer, kemm fuq xogħol kif ukoll waqt btala.
Il-Ministru Tonio Borg semma wkoll ir-rwol importanti ferm li għandhom l-Ambaxxaturi Maltin u l-ħaddiema kollha tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin sabiex pajjiżna jkompli jissaħħaħ barra minn Malta. Spjega kemm l-Ambaxxati jaħdmu biex jattiraw iktar investiment u jġibu f’Malta iktar turisti. Qal li bis-saħħa tal-politika barranija u tad-diplomazija, Malta tkompli tingħata l-importanza li jixirqilha fil-fora internazzjonali.
Spjega li bħala parti mill-ħidma tiegħu, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għandu rwol kruċjali fl-iffirmar ta’ ftehim bilaterali ma’ pajjiżi oħrajn. Spjega kif kull pajjiż jidħol fi ftehim ma’ pajjiżi oħra sabiex itejjeb il-qagħda tiegħu. Semma kif fl-aħħar 30 xahar Malta ffirmat, irratifikat jew daħħlet fis-seħħ 110 ftehim bilaterali. Minn dawn, 30 ftehim jiffaċilitaw l-investment, 24 minnhom huma dwar ftehim ta’ ħelsien ta’ taxxa doppja.
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Dr Tonio Borg sostna li dawn il-ftehim huma essenzjali, biex flimkien mal-Ambaxxati barra minn Malta, pajjiżna jattira iktar investiment u joħloq iktar il-postijiet tax-xogħol. Semma kif matul din is-sena kien hemm 1,300 kuntatt mal-Ambaxxati Maltin minn investituri u nies tan-negozju barranin li wrew interess kummerċjali f’pajjiżna.
Lill-istudenti ħeġġiġhom biex isiru jafu iktar u jinteressaw ruħhom iktar fl-istudji internazzjonali u dawk marbutin mad-diplomazija, għaliex fi kliemu din tista’ tagħtihom ħafna soddisfazzjonijiet meta jibdew jidħlu fil-postijiet tax-xogħol tagħhom. Hawnhekk semma l-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi, il-MEDAC li r-rwol tagħha hu li tifforma u tħarreġ studenti fid-diplomazija. Qal li minn kemm ilha imwaqqfa hija tat istruzzjoni lil 760 student, li llum huma diplomatiċi madwar id-dinja kollha. Fakkar kemm huwa importanti li l-istudenti jkunu jinteressaw ruħhom f’dak li jkun qed isir barra minn xtuthom. Iktar u iktar meta llum Malta tagħmel parti minn blokk ta’ 26 pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea.
Qal li Malta issa ilha sitt snin fl-Unjoni Ewropea, u flimkien mal-pajjiżi l-oħra tieħu deċiżjoniijiet importanti. Hawnhekk għamel referenza għal dawk li jissejħu Infringement Procedures. Qal li fl-2007 in-numru ta’ infringements pendenti kontra Malta kienu ta’ 67. Din iċ-ċifra niżlet għal 40 fl-2008, 29 fl-2009 u 16 fl-2010. Qal li Malta qiegħda fl-aħjar pożizzjoni, l-inqas pajjiż li għandu infringements fl-Ewropa kollha.
Dr Borg semma wkoll li din is-sena nħarġu 42,000 viża lil ċittadini terzi li riedu jżuru Malta u permezz ta’ Malta fil-pajjiżi tax-Schengen. Dwar iċ-Ċittadinanza qal li minn kemm ilhom li ġew introdotti l-ewwel emendi fil-liġi taċ-Ċittadinanza fl-1989, estiżi fl-2000 u fl-2007, minnhom gawdew 19,000 Malti.
Il-Viċi Prim Ministru qal li matul l-aħħar xhur il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin intensifika l-ħidma tiegħu biex jikseb iktar suċċessi lejn pajjiżna. Fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla, Malta se tospita l-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Istati tal-5 + 5. Fiha mistennija jattendu Kapijiet tal-Istati tal-Italja, il-Libja u Franza. Fil-ġimgħat li għaddew saru f’Malta żewġ konferenzi oħrajn ta’ livell internazzjonali. Ftit tal-jiem ilu tlaqqgħet f’Malta l-Ewwel Konferenza dwar il-Mediterran tal-Alleanza taċ-Ċiviltajiet. Fiha ħadu sehem numru konsiderevoli ta’ rappreżentanti għolja governattivi minn 40 nazzjon, fosthom Ministri tal-Affarijiet Barranin, kif ukoll organizzazzjonijiet u għaqdiet internazzjonali. F’din il-konferenza ntlaħaq ftehim dwar l-istrateġija għall-Mediterran u kif din se tkun implimentata.
F’Ottubru li għadda tlaqqgħet f’Malta l-Konferenza Mediterranja tal-OSCE li fiha ġew diskussi materji relatati mad-djalogu fuq is-Sigurtà Ewropea mill-perspettiva Mediterranja.
L-istudenti kellhom ukoll il-possibbiltà li jżuru l-uffiċċju personali tal-Viċi Prim Ministru Tonio Borg, liema uffiċċju kien ukoll jintuża minn Napuljun Bonaparte meta dan kien għal waqfa f’Malta mit-12 sat-18 ta’Ġunju 1798.
L-informazzjoni dwar il-ħidma tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, tal-Ambaxxati u l-aħħar informazzjoni konsulari tista’ tiġi aċċessata mis-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin www.foreign.gov.mt
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003