DISKORS MILL-ONOR. JASON AZZOPARDI, SEGRATARJU PARLAMENTARI GĦAL NEGOZJI ŻGĦAR U ARTIJIET, FL-OKKAŻJONI TAL-WORKSHOP ORGANIZZAT MILL-MALTESE ITALIAN CHAMBER OF COMMERCE DWAR ‘MUTUAL GUARANTEE ASSOCIATIONS’ – VALLETTA – IL-ĠIMGĦA 19 TA’ NOVEMBRU 2010
Sinjuri,
Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li nkun magħkom illum biex niftaħ dan il-workshop li l-Maltese Italian Chamber of Commerce qed jorganizza illum biex jixħet dawl fuq mekkaniżmu li jista’ joffri opportunitajiet ġodda lis-settur tal-SMEs u dak artiġġjanali f’pajjiżna.
Dan il-workshop għandu l-iskop li jiskopri toroq ġodda li l-impriżi ż-żgħar tagħna jistgħu jieħdu vantaġġ minnhom. Li filwaqt li wieħed iżomm ċara f’moħħu ir-realta’, u l-partikolarita’ ta’ pajjiżna, nistħarrġu x’inhu jiġri madwarna, u nitgħallmu mill-esperjenzi ta’ sħabna f’pajjiżi oħrajn.
F’isem il-Gvern, nilqa’ dan l-eżerċizzju. Kull strument li nistgħu nwaqqfu, kull kollaborazzjoni li nistgħu noħolqu, kull skema jew inċentiv li nistgħu nistabbilixxu li toħloq opportunita’ ta’ investiment għall-intrapriża tagħna, tkompli tikkontribwixxi għall-klima li l-Gvern impenjat li joħloq.
Il-Gvern huwa impenjat li joħloq il-klima ideali li fiha jimirħu l-intrapriżi tagħna. L-attenzjoni għall-intrapriża ta’ daqs micro, żgħira u medja toħroġ naturali hekk kif 97% tal-impriżi tagħna huma fil-fatt SMEs.
Permezz ta’ miżuri u inċentivi qed inwettqu politika li toħloq l-ambjent ideali għal dan is-settur.
· Wettaqna tnaqqis fir-rati tar-reġistrazzjoni għal uħud mis-setturi ta’ SMEs;
· Qed inħaddmu numru kbir ta’ skemi permezz tal-Malta Enterprise maħsuba biex jgħinu l-intrapriżi l-iżjed żgħar jikbru;
· Ħloqna l-iskema tal-Micro Invest li permezz tagħha negozji żgħar jieħdu rifużjoni tat-taxxa fuq kull ewro investiment li jagħmlu fin-negozju tagħhom;
· Ħloqna l-portal virtwali Trolleymania.com li qed jagħti l-opportunita’ lill-impriżi ż-żgħar ikunu online flimkien mal-players il-kbar tas-suq;
· Qed inħaddmu €25 miljun f’fondi ERDF mill-Unjoni Ewropea li marru kollha għand negozji żgħar u medji għal proġetti innovattivi u ta’ tkabbir fl-operat tagħhom;
Dawn l-inizjattivi huma parti minn politika li trid tkompli tgħin lis-settur tan-negozji żgħar jikber. Statistika tal-NSO turi li fl-2009, twaqqfu 4,666 negozju ġdid. Biex wieħed jifhem ir-rata ta’ tkabbir li dan il-qasam kellu, tajjeb wieħed jagħti ħarsa lejn l-istatistika mifruxa fuq l-aħħar għaxar snin: Bejn l-2001 u l-2009 kellna żieda ta’ 51% fin-numru ta’ negozji. 52% ta’ dawn kienu negozji micro. Dan jixhed il-fiduċja tal-intraprenditur fl-ekonomija u għalhekk il-Gvern irid ikompli jinkoraġġixxi dan it-tip ta’ tkabbir – ma nistgħu qatt nistrieħu, u ngħidu biżżejjed.
Dan il-workshop tal-lum jixhed soċjeta’ sensittiva għar-realta ekonomika ta’ pajjiżna. F’isem il-Gvern insellem l-impenn li qed jagħmel il-Maltese Italian Chamber of Commerce, u nawguralkom il-ħidma t-tajba għal dan il-workshop.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003