Diskors mill-Onor. Stephen Spiteri, Assistent Parlamentari mal-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, waqt taħdita dwar il-ħidma biex jitbiegħed ir-risku tal-faqar u l-esklużjoni soċjali - San Ġiljan – Il-Ħamis 18 ta’ Novembru 2010
L-Unjoni Ewropea ddedikat din is-sena għall-ħidma kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali. Intom xhieda, u wħud minnkom ipparteċipajtu f’sensiela ta’ attivitajiet li kienu organizzati f’pajjiżna biex jinħoloq għarfien akbar dwar dawn iż-żewġ problemi li huma marbuta intrinsikament ma’ xulxin.
Sfortunatament is-sena dedikata għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, qed titfakkar fi sfond ta’ kriżi ekonomika dinjija li rat ħafna pajjiżi ferm akbar minnha, jintroduċu miżuri ta’ awsterità u jaqtgħu min-nefqiet tagħhom bir-riżultat li dawn il-miżuri flok inaqqsu l-faqar, aktar li se jkomplu jżiduh.
Ma għandix dubju li lkoll issegwu dak li qed jiġri madwar id-dinja u madwarna u tafu bil-protesti u l-irvellijiet li hemm f’diversi pajjiżi minħabba din is-sitwazzjoni. Jien ċert li intom bħali, meta żżuru xi pajjiż ieħor, tiltaqgħu ma’ tallaba fit-toroq anke fil-pajjiżi li huma meqjusa fost l-aktar b’saħħithom ekonomikament. Minn dan kollu f’pajjiżna ma għandna xejn.
Dan ma jfissirx li aħna ma għandniex ukoll il-problema tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Din hi problema reali li jekk niċħduha nkunu qisna qed indeffsu rasna fir-ramel biex ma nisimgħux il-weġgħat u ma narawx it-tbatija ta’ min għaddej minnha. Jien li ngħix u naħdem fin-naħa t’isfel ta’ Malta, niltaqa’ spiss ma dawn il-problemi.
Iżda daqskemm ma nistgħux niċħdu li l-problemi teżisti daqstant ieħor irridu napprezzaw li qed isir xogħol biex din tittaffa.
Żgur li lkoll smajtu bil-qawl Ċiniż li tradott f’ilsienna jgħid xi ħaġa hekk: Agħti ħuta lil raġel u tkun tmajtu għal ġurnata. Għallmu jistgħad u tkun qed titimgħu għal għomru kollu.
Hekk ukoll irridu nitrattaw il-problema tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Ma għandniex infittxu soluzzjonijiet ta’ malajr li jħaffulna l-kuxjenza temporanjament iżda rridu nsibu soluzzjonijiet dejjiema għalihom. U ċ-ċavetta għal din is-soluzzjoni dejjiema tinsab fl-EDUKAZZJONI.
L-esklużjoni soċjali ħafna drabi hi frott tal-faqar u l-faqar hu kaġunat mill-injoranza u n-nuqqas ta’ edukazzjoni. Il-faqar jista’ jkun faqar materjali, jista’ jkun faqar soċjali u llum nitkellmu anke fuq forom oħra ta’ faqar. L-imma tal-forom kollha tal-faqar hi n-nuqqas ta’ edukazzjoni.
Għalhekk biex intaffu kemm jista’ jkun il-faqar u l-esklużjoni soċjali rridu ninvestu fl-edukazzjoni. U dan qed nagħmluh. L-għajnuna u ż-żieda fil-benefiċċji soċjali, hi meħtieġa, tista’ ttaffi l-problema temporanjament u dan qed nagħmluh ukoll. Iżda s-soluzzjoni vera u dejjiema hi li ngħinek biex int tkun tista’ tgħix ħajja diċenti bil-ħila tiegħek stess.
Smajna llum min jilmenta fuq l-għoli tal-ħajja, fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, fuq il-prezz tal-mediċini. Dawn huma kolla realtajiet li jien la nista’ u anqas irrid niċħadhom. Imma intom tafu daqsi li ħafna minn dawn l-affarijiet, jiġu fuq pajjiżna minn barra u mhux dejjem huma fil-kontroll tagħna.
Għall-kuntrarju, li jkollna sistema edukattiva b’saħħitha u inklussiva dak jiddependi minna biss. U għaliex nemmnu dan, il-gvernijiet tagħna dejjem investew bis-sħiħ fl-edukazzjoni u hekk komplejna nagħmlu din is-sena ukoll.
Jista’ jkun hawn min jakkużani li din hi retorika tal-politiċi. Nassigurakom li mhux il-każ u għalhekk se nkun aktar konkret u se nitkellem minn esperjenza riċenti ta’ inizjattivi li ħadna u li qed jagħtu l-frott fiż-żoni li naħdem fihom jien u allura nista’ nara b’għajnejja u mmiss b’idejja dawn ir-riżultati.
Se nitkellem fuq l-inħawi tal-Kottonera u l-irħula fil-qrib.
Sentejn ilu, l-iskola Primarja ta’ Bormla ħadet ħafna spazju fl-aħbarijiet għax fl-eżami tal-Junior Lyceum ma għadda ħadd minn din l-iskola. L-awtoritajiet tal-edukazzjoni, flimkien mal-Aġenziji Sedqa u Appoġġ, imsieħba soċjali oħra u l-kunsill lokali, raw x’kienet il-kawża ta’ dan u fassalu programm għal din l-iskola, li kien fih 14-il inizjattiva u li swew €100,000.
Sibna numru ta’ tfal li filgħodu jaslu l-iskola bla ma jkunu ħadu xejn mid-dar u bla ma jġibu kolazzjon magħhom. Organizzajnilhom Breakfast Club qabel jibdew l-iskola. Billi wħud minn dawn kienu qed jirritornaw id-dar wara l-iskola u ma jsibu lil ħadd jistennihom u jagħmlu ħinijiet twal wara l-bieb jew jiġġerrew barra, organizzajnilhom Homework Club. Żammejnihom flimkien wara l-iskola, b’nies esperti magħhom jgħinuhom jagħmlu l-homework u jilagħbu flimkien.
Numru ta’ tfal kienu qed ifallu l-iskola mingħajr raġuni ta’ xejn. Bgħatna ħaddiema soċjali jitkellmu mal-familji tagħhom u wara ħafna taħbit u persważjoni dawn it-tfal reġgħu bdew jersqu lejn l-iskola.
Għal dawk li kienu juru mġieba diffiċli li kienet qed tiskludihom soċjalment u anke fil-klassi, ħloqna Nurture Zones fejn it-tfal kienu taħt ħarsien ta’ professjonisti li għenuhom itejbu l-imġieba tagħhom. Għal tfal ta’ età akbar li kienu qed juru diffikultajiet f’ċerti suġġetti, waqqafna l-Learning Support Zones fejn dawn l-istudenti kienu jingħataw għajnuna addizzjonali fis-suġġetti li kellhom bżonn.
Dawn u inizjattivi oħra fl-istess programm taw ir-riżultati. Is-sena li għaddiet, nofs it-tfal mill-iskola ta’ Bormla li għamlu l-eżami tal-Junior Lyceum, għaddew minnu.
Dan il-Programm li ħloqna għal din l-iskola, id-Direttorat tal-Edukazzjoni issa esportah lejn skejjel oħra fejn konna qed insibu problemi simili.
Li kieku ma dħalniex għal dan il-programm – li sewa l-flus – kieku dawn it-tfal kienu jaqbżu mix-xibka edukattiva u jibqgħu mingħajr ħiliet bażici u allura f’periklu kbir ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Dħalna għal dan il-programm għax nemmnu li dawn it-tfal għandhom dritt, anke jekk traskurati mill-ġenituri tagħhom, li jkollhom iċ-ċans jiżviluppaw il-potenzjal kollu tagħhom.
Min-naħa l-oħra wieħed ma jistax jinjora l-fatt li hawn min il-faqar u l-esklużjoni soċjali jġibhom b’idejh.
Sfortunatament għad hawn min, jirrifjuta li jaħdem anke jekk hu f’saħħtu, għax hu komdu bil-benefiċċji soċjali li jingħata. Hawn min jgħix ħajja bla qies u mbagħad jispiċċa jiddejjen u d-dejn jirkbu u ma jvinċih qatt. Hawn min minħabba l-vizzju tad-droga, ix-xorb jew il-logħob, jonfoq kulma jsib fil-but bla ma jagħti kont tal-familja u uliedu. U mbagħad toffrilhom opportunitajiet ta’ tagħlim biex joħorġu minn dan l-isqaq u jirrifjutawhom, anke jekk dawn teħodhomlhom wara l-bieb tad-dar tagħhom, fil-Kunsill Lokali ta’ pajjiżhom.
Ma naqbilx li s-soluzzjoni ta’ dawn il-problemi tinsab biss filli wieħed itejjeb il-benefiċċji soċjali – kif qed isir – jew jgħolli l-paga minima. Il-Gvern għandu proposti oħra. Il-Gvern lest jagħti €25 fil-ġimgħa oħra lil dawk li qegħdin fuq paga minima, jekk dawn lesti li jattendu korsijiet biex jiksbu ħiliet ġodda li jiftħu quddiemhom opportunitajiet ta’ xogħol aħjar li jirrendilhom pagi aħjar. B’hekk il-problema nkunu qed insibulha soluzzjoni permanenti u mhux temporanja.
Naħseb li tajt eżempju ċar ta’ kif bl-edukazzjoni nistgħu nbiegħdu l-periklu tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Jien insostni li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta biex nirbħu l-ġlieda li rridu nagħmlu flimkien biex ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali nbegħduhom kemm jista’ jkun.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003