DISKORS MILL-ONOR. STEPHEN SPITERI, ASSISTENT PARLAMENTARI MAL-MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, FL-OKKAŻJONI TAL-PASS IT ON SEMINAR – SAN ĠILJAN – IL-ĦAMIS, 18 TA’ NOVEMBRU 2010
Empowerment through Education, Training and Support
Sinjuri,
Hu pjaċir tiegħi li nagħmel id-diskors tal-ftuh ta’ dan is-seminar importanti. L-importanza tiegħu hi għaliex jittratta l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilita`, li taqa` taħt ir-responsabbilita` tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja immexxi mill-Ministru Dolores Cristina li ma setgħetx tkun hawn illum għax tinsab imsiefra fuq xogħol tal-Gvern u li jien nagħmel parti minnu.
Il-Gvern ilu jħaddan u jimpilmenta politika inklussiva għal diversi snin. Dan jidher partikolarment fl-Att għal Opportunitajiet Indaqs tal-2000 u l-politika ta’ Edukazzjoni Inklussiva li kienet introdotta mill-Gvern 15 il-sena ilu. Nixtieq nieħu din l-opportunita` biex inġedded l-impenn tal-Gvern li nirratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilita` u fil-fatt diġa’ qed inħejju l-emendi meħtieġa għal-liġijiet tal-pajjiż li se jkollna bżonn nagħmlu biex din il-Konvenzjoni tkun tista’ tidħol fis-seħħ f’pajjiżna.
1. 1. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja hu wieħed mill-imsieħba fil-proġett Pass It On. Dan għandu l-iskop jiffaċilita l-impjieg ta’ Persuni b’Diżabilita` . Dan il-partnership juri l-impenn tal-Ministeru li jagħti s-sehem dirett tiegħu biex jitjieb is-support u jitkattru l-opportunitajiet f’dan is-settur.
2. 2. Nemmnu li dan il-proġett se jkollu impatt fuq il- mod kif inħarsu u nittrattaw dan is-suġġett.
It-Tema tas-seminar “Empowerment through Education, Training and Support” tirrifletti r-realta` tas-sitwazzjoni u d-direzzjoni li l-Ministeru qed jagħti f’dan il-qasam.
Huma ħafna l-ostakoli li Persuni b’Diżabilita` jiffaċċjaw biex isibu mpjieg u jżommuh. Fost l-akbar, żgur li nsibu n-nuqqas ta’ preparazzjoni għall-ħajja independenti u n-nuqqas ta’ preparazzjoni vokazzjonali. Żgur li kulħadd jaqbel mal-ħtieġa li nkomplu nassiguraw li kull persuna jkollha l-opportunitajiet biex tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tagħha u li jkollha wkoll il-kompetenzi meħtieġa biex tkun kapaċi tidħol u tintegra fid-dinja tax-xogħol.
Il-ħidma tal-Gvern fil-qasam edukattiv matul dawn l-aħħar snin kienet u se tibqa’ mmirata lejn Edukazzjoni għal-Kullħadd, anke għal studenti b’diżabilita`.
Mill-programm li tħejja għal dan is-seminar u mil-lista ta’ parteċipanti jidher li hawn rappreżentanza tajba tal-istakeholders f’dan is-settur. Dan is-seminar għandu jservi ta’ opportunita` tajba biex flimkien nagħtu ħarsa lejn is-sitwazzjoni preżenti, naraw fejn fejn ġejna u fejn għad irridu naħdmu aktar biex naslu.
Ippermettuli issa niffoka ftit fuq it-tema tas-seminar. Żgur li l-kelliema tal-lum se jagħtu rendikont tas-servizzi u opportunitajiet li qegħdin jipprovdu f’diversi setturi u se tisimgħu figuri ta’ kemm persuni qegħdin jibbenefikaw. Se nisimgħu ukoll dwar il-qafas legali fuq livell lokali, Ewropew u internazzjonali. Kif ukoll dwar inizjattivi li qed jittieħdu f’dan ir-rigward.
Importanti wkoll li nisimgħu fejn għad għandna vojt fis-sistemi tagħna u l-isforzi li qegħdin isiru biex nirrimedjaw u nippruvaw nimlew dan il-vojt.
Minn meta ntroduċejna l-politika ta’ Edukazzjoni Inklussiva fl-iskejjel tagħna saru sforzi kbar. Nixtieq nesprimi s-sodisfazzjon u l-apprezzament tagħna lil kulmin ħadem biex naslu għas-sitwazzjoni tal-lum fejn 83 % tal-istudenti li huma statemented bi ħtiġijiet edukattivi jattendu skejjel mainstream. Il-firxa wiesgħa ta’ servizzi professjonali ta’ support li ġew żviluppati u li qegħdin isostnu l-istudenti, l-għalliema u lill-ġenituri, hija impressjonanti.
Dan il-progress sar permezz ta’ investiment finanzjarju qawwi u ħidma bla waqfien u sagrifiċċji ta’ ħafna. Kullħadd għandu japprezza li minkejja problemi li jkollna nħabbtu wiċċna magħhom ta’ kuljum, għaliex inklużjoni hi sfida kontinwa u diffiċli, żgur li l-istudenti tagħna qed igawdu minn opportunitajiet aħjar biex jiżviluppaw l-abilitajiet tagħhom, qed jibbenifikaw mill-partiċipazzjoni sħiħa fil-ħajja ta l-iskejjel li jattendu.
Irrid insemmi hawn il-kontribut kbir li sistema edukattiva qed tagħti biex nibnu soċjeta inklussiva.
Is-sena l-oħra għamilna pass ieħor important ‘il quddiem. Bdejna r-riforma ta’ l-Iskejjel Speċjali kif kien rakkomandat fir-Rapport Spiteri. Dawn l-iskejjel qed jinbidlu f’Ċentri ta’ Riżorsi għall-edukazzjoni f’livelli differenti. Żgur li fid-diskors tiegħu aktar tard illum, is-Sur George Borg, Direttur tas-Servizzi għall-Istudent fid-Direttorat tal-Edukazzjoni, se jitkellem fid-dettal dwar din ir-riforma.
Nixtieq biss li nagħmel aċċenn fuq:
1. 1. Il-fatt li studenti f’dawn iċ-Ċentri ta’ Riżorsa issa se jkollhom l-opportunita’ li bħal tfal fi skejjel oħra jibbenifikaw mit-tranżizzjoni minn livell edukattiv għall-ieħor.
2. 2. Li r-riforma se tkompli ssaħħaħ is-sistema inklussiva għaliex l-istudenti kollha, sew dawk li jattendu skejjel mainsream kif ukoll dawk li jattendu ċ-Ċentri ta’ Riżorsa jistgħu jibbenefikaw aħjar mill-faċilitajiet u s-servizzi speċjalizzati li jeżistu f’dawn iċ-ċentri.
3. 3. Iċ-Ċentri ta’ Riżorsa ġew integrati fis-sistema tal-Kulleġġi u b’hekk mhux se jibqgħu aktar fil-periferija.
4. 4. Studenti b’diżabilita` intelletwali li jkunu lestew l-iskola obbligatorja u li ma jkunux jistgħu jkomplu jistudjaw fi skejjel jew istituzzjonijiet post sekondarji, issa għandhom l-opportunita biex fiċ-Ċentru tal-Wardija jattendu programm ġdid li tfassal biex jgħinhom jippreparaw ruħhom għall-ħajja indipendenti bħala adulti. Il-programm jinkludi wkoll preparazzjoni vokazzjonali.
Nixtieq nawgura suċċess lill-għalliema, Learning Support Assistants u l-amministraturi ta’ dawn iċ-ċentri ġodda u nwiegħed l-appoġġ tagħna biex din l-isfida tintrebaħ ukoll.
Nieħu gost ukoll nosserva l-impenn ta’ l-Universita` u l-MCAST biex jiffaċilitaw l-inklużjoni. In-numru ta’ student b’diżabilita li qegħdin ikomplu l-istudji f’dawn l-istituzzjonijiet qed dejjem jikber. Għat-tieni sena konsekuttiva n-numru ta’ studenti li ssieħbu fil-kors Pathway tal-MCAST reġa’ żdied. It-titjib fil-kontenut u l-faċilitajiet huma wkoll inkoraġġanti. L-opportunitatijiet ta’ taħriġ permezz ta’ Work Exposure Sessions f’diversi ażjendi żgur li se jkunu effetivi biex dawn iż-żgħażagħ ikunu preparati aħjar għax-xogħol. Jidher ukoll li l-prospetti għal studenti li lestew il-kors, biex jidħlu f’korsijiet mainstream jew jibdew jaħdmu huma sbieħ ukoll.
Is-sehem li kontinwament tagħti l-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilita` biex tkun faċilitata l-inklużjoni f’dawn iż-żewġ istituzzjonijiet hu apprezzat ħafna minn kullħadd. Xieraq li nsemmi wkoll l-inizjattiva li ħadet il-Kummissjoni permezz tat-twaqqif tal-KK16+ Working Group. Dan qed jgħin biex jkun hemm koordinament aħjar bejn kull min jipprovdi xi forma ta’ servizz lil żgħażagħ b’diżabilita` wara li jkunu għalqu 16 il-sena.
Hemm bżonn li dawn l-isforzi kollha biex ħloqna sistema edukattiva inklussiva u biex nassiguraw li studenti b’diżabilita’ jkollhom opportunitajiet xierqa ta’ preparazzjoni vokazzjonali jissarrfu fi kwalita ta’ ħajja aħjar meta dawn jikbru u jsiru adulti.
L-impieg ta’ persuni b’diżabilita’ mhux faċli. Diġa’ aċċennajt għal ħafna ostakli li jkunu jridu jiġu megħluba. Aħna konxji mill-isforzi li qegħdin issiru mill-ETC, aġenziji u NGOs u se jkollna ċans nisimgħu aktar dwar dan għada. Nafu li l-isfidi li rridu niffaċċjaw f’dan is-settur qed kontinwament jikbru u se jkomplu jikbru aktar u aktar ma jikber in-numru ta’ persuni b-diżabilita` li jaspiraw li jsibu mpjieg u jżommuh. Konxji mill-fatt li vacancies li joffri l-labour market għal dawn il-persuni hu limitati, partikolarment għal dawk b’diżabilita intelletwali. Ħafna bibien jidhru magħluqa.
Iżda nemmnu wkoll, u ħafna minnkom hawn preżenti, jekk mhux kollha, temmnu wkoll li minkejja l-ostakoli kollha, minkejja l-limitazzjonijiet li jista jkun hemm, persuni b’diżabilita` kapaċi jaħdmu u għandhom dritt li jaħdmu.
Sa ftit snin ilu, ftit kienu dawk li kienu jemmnu li l-maġġoranza kbira ta’ studenti b’diżabilita` jistgħu jkunu nklużi fl-iskejjel. Imma dan seħħ u nistgħu narawh b’għajnejna. Seħħ għaliex ipprovdejna l-appoġġ meħtieġ. Seħħ għaliex fhimna li rridu nbiddlu u ninbidlu biex ninkludu lil dawn l-istudenti fl-iskejjel tagħna.
L-istess hemm bżonn li jsir biex ikollna ħafna aktar postijiet tax-xogħol inklussivi.
Hemm bżonn nibdlu u ninbidlu. Hemm bżonn ta’ mod u ħsieb ġdid biex infasslu u nimplimentaw sistemi ġodda ta’ appoġġ għall-impjieg. Għandna bżonn ninkoraġġixxu inizjattivi innovattivi f’dan il-kamp.
Nieħdu gost nisimgħu bl-isforzi li qed isiru mill-KNPD flimkien mal-ETC biex jikber l-ingaġġ ta’ persuni b’diżabilita` maċ-Ċivil u ażjendi kbar oħra. Iżda fadlilna ħafna aktar x’nagħmlu, partikolarment għal persuni li għandhom bżonn ta’ support kontinwu biex jirnexxielhom ikampaw f’open employment settings.
Id-direzzjoni li qed jagħti l-Ministeru tagħna f’dan ir-rigward hi immirata lejn tlett obbjettivi.
1. 1. Żieda fl-impjiegi f’open employment għal persuni bi ħtiġijiet ta’ support
limitat biex isibu mpjieg u jżommuh. Din iż-żieda tista’ tinkiseb permezz ta’ tisħiħ u titjib fil-kwalita’ ta’ servizzi provduti fil-preżent.
2. 2. Ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol għal gruppi żgħar ta’ ħaddiema i.e. enclaves. Dan jista’ jsir permezz ta’ job creation ventures. Nemmnu li ċ-Ċivil, Aġenziji tal-Gvern , Kunsilli Lokali u ażjendi kbar jistgħu joffru opportunitajiet tajba biex dan il-mudell ta’ xogħol jikber f’pajjiżna. L-enclaves għandhom il-vantaġġ li l-ħaddiema fil-grupp jkunu jistgħu jinagħtaw appoġġ kontinwu mill-leader tal-grupp, waqt li jkunu jaħdmu f’open employment settings.
3. 3. Ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ sheltered employment għal persuni bi ħtiġijiet severi u li għalihom l-open employment mhux possibbli. Dawn l-opportunitajiet jistgħu jkunu jiffurmaw parti integrali mis-servizz ta’ Day Centres u jikkomplimentaw l-isforzi li qed isiru mill-Aġenzija Sapport biex tittrasforma dan is-servizz f’wieħed li jkun community based.
Dawn it-tlett obbjettivi jistgħu jintlaħqu kemm il-darba nkunu lesti li nidħlu għalihom bis-serjeta’. Nemmnu li hawn minn lest jagħmel dan.
Fost il-parteċipanti f’dan is-seminar hawn rappreżentanti ta’ Min Iħaddem.
L-employers huma stakeholders important. Naħseb li anke fil-mod kif inħarsu u nitkellmu ma’ Min Iħaddem hemm bżonn direzzjoni ġdida. Hemm bżonn nersqu aktar lejn xulxin u nifhmu aħjar lil xulxin. Inkunu żbaljati jekk naħsbu li soluzzjoni tista` tkun faċli jekk l-employers jiftħu l-bibien kull meta nħabbtulhom. Jekk kullħadd iżomm quddiem għajnejh li l-iskop ewlieni tal-ħidma tagħna hu li noħolqu soċjeta inklussiva u li kull stakeholder għandu sehem importanti x’jagħti, hemm ċans li titjieb aktar il-kollaborazzjoni bejn min iħaddem u min ifittex opportunitajiet ta’ placements għal persuni b’diżabilita.
Tajjeb li l-programm ta’ dan is-seminar jagħti spazju wkoll lil persuni nfushom u xi NGOs biex iwasslu l-perspettiva tagħhom. Importanti li nisimgħu x’għandom x’jgħidulna.
Nixtieq nagħmel kumment qasir dwar il-proġett Pass It On. Il-proġett jaħseb biex jiffaċilita aktar l-impjieg ta’ persuni b’diżabilita` billi jferrex trainingmaterials li huma prodotti ta’ proġetti li saru qabel. Ta’ min inħarsu ħarsa sew lejn dawn il-prodotti biex naraw jekk nistgħux nibdew nagħmlu użu minnhom jew partijiet minnhom biex inkomplu ntejbu l-kwalita tas-servizzi li nipprovdu.
L-akbar opportunita li qed joffri il-proġett Pass It On permezz ta’ dan is-seminar hi li nkabbru l-kollaborazzjoni bejn l-istakeholders li huma miġburin flimkien hawn. Is-seminar se jgħin biex nifhmu aħjar x’qed nagħmlu aħna lkoll, fejn wasalna u fejn għad irridu naslu. Ejjew naraw kif nistgħu naħdmu aktar qrib xulxin u kif nistghu naqsmu bejnietna l-expertise li ġemmajna matul is-snin u r-riżorsi li żviluppajna.
Il-preżenza fostna ta’ numru ta’ esperti jew diriġenti ta’ organizazzjoniet barranin involuti f’dan il-qasam tista’ tkun sfruttata wkoll.
Nieħu din l-opportunita` biex nagħtihom merħba, nawguralhom li s-soġġorn tagħhom f’Malta jkun pjaċevoli u nixtieqilhom suċċess fil-ħidma tagħhom. Ejjew nesploraw magħhom il-possibilta’ ta’ kollaborazzjoni fuq livell Ewropew. Żgur li fil-preżentazzjonijiet tagħhom se nidentifikaw prattiċi tajba li nistgħu nesploraw. Tajjeb li nisimgħu wkoll l-osservazzjonijiet li jistgħu jagħmlulna fuq is-sistemi u l-operat tagħna. Importanti naraw kif jidher minn barra dak li qed nagħmlu aħna.
Nixtieq nagħlaq id-diskors tiegħi billi nirringrazzja bil-qalb lill kull min jaħdem fis-setturi differenti rappreżentati hawn. Żgur li ma kienx għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħkom ma konniex naslu biex nipprovdu l-firxa wiesgħa ta’ servizzi lill-persuni b’diżabilita`.
Nixtieqilkom li dan is-seminar ikun suċċess.
Fil bidu għidt li nemmnu li dan is-seminar se jħalli impatt. J’Alla din l-inizjattiva sservi biex jingħata bidu għal sforz kollettiv li jwassal għal żieda fir-rata ta’ parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilita’ fid-dinja tax-xogħol.
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003