Left arrow Go Back

IFFIRMATI 110 FTEHIM BILATERALI MILL-BIDU TAL-LEĠISLATURA SA ISSA

pr2132
Date Icon 18/11/2010

·        41 ftehim matul din is-sena

·        30 ftehim biex jiffaċilita l-investiment

·        1,300 kuntatt b’interessi kummerċjali mal-Ambaxxati Maltin

Il-Gvern Malti, permezz tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, iffirma, irratifika jew daħħal fis-seħħ 110 ftehim bilaterali matul din il-leġislatura. Minn dawn, 30 ftehim jiffaċilitaw l-investment.

Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, Dr. Tonio Borg, sostna li dawn il-ftehim huma essenzjali, biex flimkien mal-Ambaxxati barra minn Malta,  pajjiżna jattira iktar investiment u joħloq iktar postijiet tax-xogħol.

Saħaq li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jemmen ħafna bil-ħidma tal-Ambaxxati u r-rwol tagħhom barra minn Malta. Dawn qed ikunu ta’ vetrina u ħolqa strateġika f’dan ir-rigward. Din is-sena l-Ambaxxati rċevew madwar 1,300 kuntatt minn investituri u nies tan-negozju li urew interess f’Malta. Dawn il-kuntatti jiġu segwiti flimkien mal-Malta Enterprise u organizzazzjonijiet konċernati.

L-arranġamenti jinkludu 21 ftehim dwar il-Ħelsien tat-Taxxa Doppja; 5 ftehim dwar it-Tneħħija tal-Viża; 6 ftehim fil-Koperazzjoni dwar il-Qasam tas-Saħħa; 9 ftehim ta’ Koperazzjoni fl-Edukazzjoni, il-Kultura u x-Xjenza, 3 ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Investimenti; 10 Ftehim kontra t-traffikar tad-droga u l-Kriminalità Organizzata; ftehim dwar is-servizzi tal-Ajru; 2 ftehim dwar il-koperazzjoni fit-Turiżmu; u 53 trattat ieħor. Il-Ftehim ta’ Tassazzjoni Doppja ntlaħaq ma’ dawn il-pajjiżi: il-Bahrain, il-Belġju, iċ-Ċina, Franza, il-Ġeorġia, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Isle of Man, l-Italja, Jersey, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Montenegro, il-Qatar, San Marino, is-Serbja, Singapor, l-Isvizzera u l-Istati Uniti.

Matul l-aħħar xhur il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin intensifika l-ħidma tiegħu biex jikseb iktar suċċessi lejn pajjiżna. Fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla, Malta se tospista l-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Istati tal-5 + 5. Fiha mistennija jattendu Kapijiet tal-Istati tal-Italja, il-Libja u Franza. Fil-ġimgħat li għaddew saru f’Malta żewġ konferenzi oħrajn ta’ livell internazzjonali. Ftit tal-jiem ilu tlaqqgħet f’Malta l-Ewwel Konferenza dwar il-Mediterran tal-Alleanza taċ-Ċiviltajiet. Fiha ħadu sehem numru konsiderevoli ta’ rappreżentanti għolja governattivi minn 40 nazzjon, fosthom Ministri tal-Affarijiet Barranin, kif ukoll organizzazzjonijiet u għaqdiet internazzjonali. F’din il-konferenza ntlaħaq ftehim dwar l-istrateġija għall-Mediterran u kif din se tkun implimentata.

F’Ottubru li għadda tlaqqgħet f’Malta il-Konferenza Mediterranja tal-OSCE li fiha ġew diskussi materji relatati mad-djalogu fuq is-Sigurtà Ewropea mill-perspettiva Mediterranja.

Matul l-aħħar xhur saret ħidma iktar wiesgħa anki fil-qasam tal-għajnuna finanzjarja lill-pajjiżi foqra. Matul l-2010, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, għen lil 16-il għaqda karitattiva biex iwettqu diversi proġetti f’pajjiżi foqra, fosthom fl-Afrika.  Is-somma ta’ din is-sena laħqet il-€250,000. Fl-istess waqt Malta se tkun qed tikkontribwixxi s-somma ta’ €800,000 fuq tliet snin fuq proġetti marbuta mat-tibdil fil-klima f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u €900,000 se jingħataw lill-European Development Fund.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT  Jobsplus launches consultation process on its strategy and vision for the next six years

PR262003en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL  Jobsplus tniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija u l-viżjoni tagħha għas-sitt snin li ġejjin

PR262003

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jobsp...

More Press Releases Right arrow