DISKORS MILL-ONOR. PETER MICALLEF, ASSISTENT PARLAMENTARI MAL-MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, FL-OKKAŻJONI TAL-EUROPEAN ANTIBIOTICS AWARENESS DAY - SPTAR MATER DEI, MSIDA – IL-ĦAMIS 18 TA’ NOVEMBRU 2010
Huwa ta’ pjaċir għalija li niġi hawnhekk illum f’din il-ġurnata iddedikata għall-użu aħjar tal-antibiotiċi ġewwa l-Ewropa, sabiex nagħti s-sapport għal din l-inizjattiva tal-Isptar Mater Dei sabiex jitkattar użu aħjar ta’ dawn il-mediċini daqstant importanti.
Għidna kemm-il darba li, bħal ħafna pajjiżi oħra speċjalment dawk fil-Mediterran, Malta għandha sfida fejn għandu x’jaqsam infezzjonijiet ikkawżati minn mikrobi li saru reżistenti għal dawn l-istess antibiotiċi. Ilna nisimgħu għal ħafna snin fuq l-MRSA, iżda mhuwiex biss dan il-mikrobu li huwa ta’ inkwiet. Ftit tax-xhur ilu smajna bil-mikrobu NDM li nstab f’diversi pajjiżi Ewropej assoċjat ma’ persuni li ftit qabel ma daħlu l-isptar kienu vvjaġġaw lejn l-Indja u pajjiżi ġirien fil-kontinent Ażjatiku.
Huwa importanti li ngħidu li qegħda issir sorveljanza kontinwa sabiex jekk jidħol każ simili ġewwa pajjiżna, dan jinqabad mill-ewwel u jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji sabiex nevitaw li dan il-mikrobu jinxtered għal pazjenti oħrajn. Madanakollu huwa essenzjali li nifhmu li mikrobi reżistenti mhux biss jistgħu jiġu importati minħabba l-ivvjaġġar globali iżda jistgħu jitkattru f’dak il-pajjiż stess.
L-iktar fattur importanti li jġiegħel mikrobi li qabel kienu jinqatlu bl-antibijotiċi sabiex isiru reżistenti huwa fil-fatt l-użu żbaljat jew eċċesiv tal-antibijotiċi. Mhux b’kumbinazzjoni li pajjiżi Ewropej bħal dawk Skandinavi li għal snin twal kellhom kultura li jużaw mill-inqas l-antibijotiċi u meta jkun hemm bżonnhom jippreskrivu antibijotiċi ta’ firxa ristretta, huma dawk il-pajjiżi fl-Ewropa li l-anqas għandhom problema bir-reżistenza.
Hu għalhekk ta’ pjaċir kbir għalija li nara li l-Isptar Mater Dei din is-sena qed jorganiżża kampanja sabiex tkompli tiżgura li dawn l-antibijotiċi jintużaw bl-iktar mod prudenti u skont l-evidenza internazzjonali ta’ meta u kif għandhom jingħataw. Fil-fatt diġà f’dan iż-żmien qasir jidher li din il-kampanja qegħda taħdem għall-benefiċċju tal-isptar, tal-professjoni medika u fuq kollox tal-pazjenti.
Kif kelli l-opportunità ngħid xi ġimgħat ilu, din l-istess kampanja qegħda tiffoka wkoll fuq l-iġene tal-idejn li hija t-tieni pilastru għall-prevenzjoni ta’ infezjonijiet minn mikrobi reżistenti bħall-MRSA. Hawnhekk ukoll ta’ min ifaħħar lill-amministrazzjoni ta’ l-isptar u fuq kollox il-professjonijiet mediċi kollha għaliex f’dan iż-żmien qasir l-iġene tal-idejn żdiedet b’ħames darbiet dik li kienet fis-sena li għaddiet.
Fl-aħħarnett huwa importanti li nifhmu li mikrobi reżistenti ma jiġrux biss ġewwa l-isptarijiet iżda ssibhom ukoll fil-komunità u jistgħu jiddaħħlu ġewwa l-isptar meta pażjent jiġi ammess. Anki hawnhekk huwa ta’ pjaċir li naraw li problema li kienet ta’ uġigħ ta’ ras għal diversi snin - jiġifieri li n-nies jingħataw antibiotiċi mingħajr riċetta tat-tabib - naqset konsiderevolment wara l-kampanji li saru mill-Kumitat Nazzjonali dwar l-Antibiotiċi. Din il-konferma tiġi minn studju Ewropew li sar mil-‘Eurobarometer’ fejn wera li dawn il-każijiet f’Malta naqsu għal inqas minn ħamsa fil-mija (5%). Dan meta l-istess ċifra għaxar snin ilu kienet ta’ kwazi għoxrin fil-mija (20%).
Madanakollu għad fadal x’jitranġa fosthom l-użu ħażin tal-antibiotiċi għall-irjiħat u l-influwenza. Dan isir biss jekk ma ssirx pressjoni fuq it-tobba biex jagħtu antibijotiċi għal dawn il-kundizzjonijiet u fl-istess ħin l-istess tobba joqogħdu attenti biex jippreskrivu dawn il-mediċini biss meta hemm lok għalihom.
Nixtieq nikkonkludi billi għal darb’oħra nifraħ lil dawk kollha li qed jieħdu dawn l-inizjattivi essenzjali u nkompli nħeġġeġ kemm lill-professjonisti kif ukoll lill-poplu in ġenerali sabiex l-antibiotiċi nużawhom bil-galbu ħalli nkomplu nsibuhom meta jkollna bżonnhom.
Grazzi
Other Press Releases:
PR262003en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR INFRASTRUCTURE, PLANNING AND EMPLOYMENT ...
PR262003