Left arrow Go Back

il-jum dinji tal-ikel

pr1892
Date Icon 17/10/2010

F’dawn il-ġranet madwar id-dinja qed ikun iċċelebrat il-Jum Dinji tal-Ikel. It-tema magħżula għal din is-sena mill-Organizazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura fin-Nazzjonijiet Uniti hija Magħqudin kontra l-Ġuħ.

Din l-Organizazzjoni fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ikel nehdiet petizzjoni bit-titlu  the 1billion hungry project bil-għan li titqajjem aktar kuxjenza soċjali madwar id-dinja kontra l-faqar u l-ġuħ u biex isir kull sforz ħalli din l-isfida mondjali tingħeleb. Huwa mifhum li madwar id-dinja hawn mal-biljun ruħ li jbatu l-ġuħ. Kull min jixtieq jiffirma din il-petizzjoni jista’ jagħmel dan billi jżur is-sit   www.1billionhungry.com.

Intant dalgħodu f’din l-okkażżjoni l-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino flimkien mal-Assistent Parlamenti Philip Mifsud żaru l-Creche tal-Ursolini f’Tas-Sliema fejn ingħataw dettalji dwar l-għajnuna f’prodotti tal-ikel li se jitqassam din is-sena.  

Il-Ministru Pullicino spjega kif din l-iskema ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea issa daħlet fis-sitt sena tagħha u din is-sena d-distribuzzjoni li se tibda minn għada se tkun tikkonsisti fi prodotti bħall- ġamm, żewġ tipi ta’ għaġin, pane tostato u żewġ tipi ta’ gallettini. Dan qed issir b’investiment ta’ ‘l fuq minn nofs miljun ewro. Din l-inizzjattiva hija ffinanzjata kollha kemm hi mill-Unjoni Ewropea. F’dawn l-aħħar 6 snin pajjiżna rċieva mat-€3.5 miljun ewro f’prodotti tal-ikel biex jitqassmu lil min hu fil-bżonn.

It-tqassim tal-provvisti tal-ikel ta’ din is-sena se jibda billi jingħataw l-ewwel lill-istituzzjonijiet mhux governattivi li jinkludu orfanatrofji, djar u kunventi tal-patrijiet u sorijiet anzjani, djar ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali u emergency shelters. Lil dawn l-istituzzjonijiet se tingħatalhom provvista għal sena wara li jiġi kkonfermat li d-dħul tagħhom jiddependi biss mill-karitá u donazzjonijiet.

Dawn il-prodotti se jingħataw ukoll lid-djar residenzjali fejn se jingħataw ammont ta’ prodotti skont in-numru ta’ residenti.  Id-distribuzzjoni ssir kull tliet xhur jew skont il-ħtieġa tad-dar residenzjali.  Dan jiddependi l-aktar mill-ispazju.  Huwa kkalkulat li għal din id-distribuzzjoni jitqassmu madwar 20% tal-prodotti.

Il-bqija tal-prodotti jitqassmu fil-parroċċi u organizzazzjonijiet sabiex jingħataw lil dawk li jippreżentaw ċertifikat maħruġ apposta mid-Dipartiment tas-Sigurtá Soċjali. Insibu 20 organizzazzjoni u 51 parroċċa li jieħdu ħsieb it-tqassim lill-benefiċjarji fuq bażi regolari.  F’Għawdex jitqassmu madwar 10% tal-prodotti lil madwar 2,000 benefiċjarju.   Bħalissa b’kollox huma madwar 19,000 persuna li qed jirċievu l-għajnuna minn din l-iskema.

Il-Ministru Pullicino rringrazzja lil kull min qed jgħin lil min hu l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta’ sabiex ħadd ma jibqa’ lura. Huwa rringrazzja lis-Sorijiet tal-Ursolini b’mod partikolari tal-ħidma tagħhom mat-tfal. Il-Ministru Pullicino appella wkoll sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ ġeneruż u jgħin lil min verament ikun fil-bżonn.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  “Meta nappoġġjaw persuna b’diżabilità, irridu nkunu hemm għall-familja kollha” – Il-Ministru Julia Farrugia

PR261993

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT “Meta nappoġġjaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA

PR261992

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA

More Press Releases Right arrow